Il-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali kkundanna tixrid ta’ ‘fake news’ li “mhu xejn għajr politika populista li ma tagħti ebda serħan il-moħħ lill-bdiewa”, fejn qal kif l-Oppożizzjoni qed tibqa’ tippubblika fatti żbaljati dwar is-sitwazzjoni tal-bdiewa f’Malta.
L-istqarrija tgħid kif fi stqarrijiet tal-Oppożizzjoni ntqal li l-bidwi Malti jieħu kwart tal-assistenza diretta li jieħu bidwi Taljan. Din hi gidba. Anzi, dan ma jistax ikun aktar ’l bogħod mill-verità u din l-allegazzjoni m’ hija xejn ħlief attentat ta’ disinformazzjoni intenzjonata li xxekkel il-kunfidenza tal-bdiewa f’ ħidmiethom.
Tenniet kif min jagħmel dawn il-kalkoli jew irid iqarraq jew tassew ma jifhimx.
Intqal kif l-ewwel żball li sar hu li l-Oppożizzjoni mhix tiddistingwi bejn id-diversi forom ta’ assistenza diretta, u cioè bejn l-appoġġ bażiku għall-introjtu u għas-sostenibbiltà (il-BISS) li minnu jgawdu l-maġġoranza tal-bdiewa tagħna u dak li jingħata lill-bdiewa żgħażagħ (is-CISYF) fost l-oħrajn. Jonqos ukoll milli jiddistingwi bejn assistenzi aktar speċifiċi bħal dawk li jingħataw għall-kultivazzjoni tat-tadam u t-trobbija tan-nagħaġ.
L-istqarrija kompliet tgħid li l-fatti huma dawn:
Bidwi Malti tipiku f’ assistenza diretta taħt l-Iskema BISS għas-sena 2023 jirċievi ħlas dirett massimu ta’ €844.34 jew minimu ta’ €475.20 għal kull ettaru raba’ waqt li dak Taljan jirċievi massimu ta’ €183.91 jew minimu ta’ €150.47. Aktar ċara favur il-bidwi Malti hija d-differenza f’ dik l-assistenza diretta li jieħdu bdiewa żgħażagħ. Dawk Maltin fil-fatt, għas-sena 2023, jieħdu l-massimu ta’ €560 li jitla’ għal €700 fis-sena 2024 jew minimu ta’ €520.64 għal kull ettaru, mentri dawk Taljani jieħdu massimu ta’ €89.65 jew minimu ta’ €67. Din id-differenza sostanzjali tirreplika ruħha f’ kull qasam ieħor bħal pereżempju dak tat-tadam li tant huwa importanti għas-settur agrikolu tagħna fejn il-bdiewa tagħna kapaċi jieħdu l-massimu ta’ €8500 għal kuntrarju ta’ €191 għal dawk Taljani.
L-istqarrija tgħid kif il-verità hija li bil-fatti dan il-Gvern kien kapaċi jirdoppja l-assistenza diretta lill-bdiewa tagħna meta mqabbel ma’ dak li kienu jirċievu għaxar snin ilu. Il-verità hija li dan il-Gvern jibqa’ tarka tal-interessi tal-bdiewa u r-raħħala tagħna li mhux biss qegħdin jaraw żieda sostanzjali fl-għajnuna diretta imma qegħdin igawdu minn serħan-il moħħ wara r-riformi importanti li wettaqna fir-regolamentazzjoni tal-qbiela.
Il-Ministeru temm jgħid li għall-kuntrarju jidher biċ-ċar li l-Partit Nazzjonalista ma għandu xejn x’ joffri lill-bdiewa u r-raħħala tagħna ħlief disinformazzjoni u inkompetenza.