Ġie mħabbar investiment f’żewġ e-bikes u electric scooter li se jkomplu jsaħħu s-servizz tal-Pulizija tal-Komunità fil-lokalità tas-Siġġiewi. Dan is-servizz qed jissaħħaħ permezz ta’ kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali.
Il-proġett tal-Pulizija tal-Komunità issa hu mifrux f’85% tal-pajjiż, kunċett li mhux biss iqarreb lill-Pulizija aktar lejn in-nies, iżda qed iwassal għal aktar ħidma ta’ prevenzjoni fil-kriminalità.
Spjega dan il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, li qal li l-kunsilli lokali għandhom sehem importanti fit-tħaddim ta’ dan il-kunċett.
Hu tenna l-impenn fit-twettiq tal-wegħda li se tara dan is-servizz jinfirex mal-pajjiż kollu, bl-istess kunsilli li jibqgħu msieħba ewlenin fis-sigurtà fil-qalba tal-komunitajiet. Dan filwaqt li l-għan ewlieni jibqa’ li s-sigurtà tal-pajjiż tibqa’ tingħata prominenza bl-istrateġija proattiva.
Għal dan l-għan, din is-sena se jiġu introdotti wkoll il-Patrol and Community Support Officers, bħala parti minn miżuri mħabbra fil-baġit għal iżjed tisħiħ tas-sigurtà fost is-soċjetà.
Qal, “Is-servizz tal-Pulizija tal-Komunità qegħdin mhux biss nifirxuh ma’ Malta u Għawdex kollu, iżda anke nsaħħu dak is-servizz li qed jiġi offrut anke permezz ta’ partnerships importanti. Sodisfatt nara li qed nagħmlu partnership tajba ħafna mall-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li permezz tiegħu, anke bħala Kunsill, mhux biss qed jagħraf importanza ta’ dan is-sevizz, iżda wkoll jinvesti fih.”
Madankollu, ġie spjegat ukoll li l-parteċipazzjoni tal-pubbliku tibqa’ kruċjali u sieħeb ewlieni tal-uffiċjali tal-pulizija biex il-pajjiż jinżamm sigur.
Is-Sindku tas-Siġġiewi, Dominic Grech, kellu kliem ta’ tifħir għall-ħidma li l-Pulizija tal-Komunità qiegħda twettaq fil-lokalità u fisser dan l-investiment bħala xhieda ta’ koperazzjoni b’saħħitha għall-ġid tar-residenti.
Qal, “Il-Kunsill Lokali ħadem biex jinvesti proprju f’apparat ġdid li jistgħu jużawh il-Pulizija tal-Komunità, e-bikes u scooters li dawn se jkunu qegħdin jgħinu biex jiffaċilitaw il-ħidma tagħhom u b’hekk anke wkoll inkunu qegħdin intejbu l-livell tas-sigurtà fi ħdan il-lokalità tagħna.”
Preżenti wkoll għal dan il-ftehim ta’ kollaborazzjoni kien hemm il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, li saħaq li dan l-investiment hu mod ta’ kif qed jopera l-Korp.