Bħala parti minn inizjattivi oħrajn madwar id-dinja li jfakkru Jum Gwidi tat-Turisti, Heritage Malta nhar l-Erbgħa 21 ta’ Frar qed tistieden lill-pubbliku biex igawdi dawriet gwidati bla ħlas fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija u l-Kumpless Preistoriku ta’ Ħal Tarxien.
B’differenza li din is-sena Heritage Malta se tkun qed tingħaqad mal-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS), l-istituzzjoni edukattiva ewlenija ta’ Malta għat-turiżmu u l-ospitalità, biex toħloq attrazzjoni miżjuda għal kull min iżur il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija u l-Kumpless Preistoriku ta’ Ħal Tarxien.
Bejn id-9.30am u s-1.30pm, il-viżitaturi li jħallsu għad-dħul f’dawn is-siti se jkunu jistgħu jingħaqdu ma’ dawra gwidata b’xejn, immexxija minn studenti tal-kors għall-gwidi turistiċi tal-ITS, assistiti mil-letturi tagħhom.
Jum il-Gwidi tat-Turisti huwa jum li jiġi ċċelebrat kull sena biex jesebixxi l-ħiliet ta’ dawn il-professjonisti li għandhom rwol ewlieni fit-tiswir tal-esperjenzi tal-vjaġġaturi fid-destinazzjonijiet tagħhom, filwaqt li jattira għadd ta’ awtoritajiet lokali, ċittadini u tal-midja biex jitpaxxew bl-istorja tal-Gżejjer Maltin.
Il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta joffri kollezzjoni spettakolari u esperjenza eċċellenti tal-preistorja u l-istorja bikrija tal-Gżejjer Maltin. Apparti minn hekk, se jkun hemm artefatti li jmorru lura mill-perjodu Neolitiku ta’ Malta sal-bidu tal-perjodu Feniċju, b’hekk dan il-mużew joffri mawra ideali biex wieħed jifhem ir-rikkezza tal-Gżejjer Maltin, tal-poplu tagħhom u tal-antenati tiegħu.
Minn naħa l-oħra, l-istorja tal-Kumpless Preistoriku ta’ Ħal Tarxien, hija mħaddna fis-sit innifsu. Id-daħliet imponenti tiegħu, il-passaġġi interkonnessi u l-arti preistorika affaxxinanti li turi spiralli u annimali, tittrasporta bi ħlewwa lill-viżitatur lejn l-aktar snin bikrija taċ-ċiviltà f’Malta.
Id-dawriet gwidati se jkunu offruti kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż, kull siegħa u fuq bażi ta’ min jasal l-ewwel jinqeda l-ewwel.