Illum, il-Knisja Kattolika tagħti bidu għall-perjodu ta’ erbgħin jum tar-Randan.
F’dan il-perjodu huma ħafna li jżommu mat-tradizzjoni sinonima ma’ dan iż-żmien, u jagħmlu xi tip ta’ sagrifiċċju, fosthom illum f’Ras ir-Randan, f’jum id-Duluri, u fil-Ġimgħa l-Kbir. Hawn min iżomm din it-tradizzjoni tul il-perjodu kollu ta’ erbgħin jum.
Dan il-perjodu ta’ riflessjoni jwassal għall-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu, meta mbagħad tiġi ċċelebrata l-akbar festa fil-kalendarju Kattoliku – dik tal-Għid il-Kbir.
Matul ir-Randan, il-Knisja tħeġġeġ lill-Insara biex jaqraw il-Kelma t’Alla, jieħdu sehem fis-sagramenti, u jattendu l-eżerċizzi spiritwali.
Fil-messaġġ tiegħu għar-Randan ta’ din is-sena, il-Papa Franġisku qal li dan ir-Randan għandu jkun perjodu ta’ tama, u stieden lil dawk bil-fidi, biex jieqfu ftit u jitolbu għal dawk fil-bżonn, biex issir il-bidla meħtieġa fil-ħajja tagħna u fil-ħajjiet tal-komunitajiet.