Bl-għajta ‘Bi Mħabba Għal Malta’, l-Avukat Daniel Attard nieda b’mod uffiċjali l-kampanja tiegħu bħala kandidat Laburista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew fit-8 ta’ Ġunju li ġej.
Quddiem folla numeruża fil-Kottonera, Dr Attard fisser kif laqa’ s-sejħa tal-Prim Ministru Robert Abela li ħeġġu jagħmel il-pass li jmiss, wara li tela’ tarġa tarġa fl-istrutturi tal-Partit u serva wkoll bħala Sindku Laburista fl-Imtarfa.
Iggwidat mill-ideali Soċjalisti tal-ġustizzja u l-mobiltà soċjali, u t-tisħiħ tad-drittijiet tal-ħaddiema, Dr Attard saħaq li l-prijorità tiegħu kienet u se tibqa’ l-ħarsien ta’ ġensna bħala Maltin Ewropej, aktar milli Ewropej f’Malta.
F’dan il-kuntest, tenna li lil hinn minn sempliċi vuċi oħra fil-Parlament Ewropew, hu determinat li jkun tarka soda għal Għawdex u Malta.
“Bi mħabba għal Malta mhijiex sempliċi għajta, imma hu twemmin li trawwimt fih u jibqa’ relevanti sal-lum il-ġurnata għax rajna biżżejjed ħsara fil-Parlament Ewropew, rajna biżżejjed MPEs tal-Partit Nazzjonalista jikkalpestaw lil Malta f’kull okkażjoni li jkollhom u allura bil-kandidatura tiegħi u bil-fiduċja tan-nies bir-rappreżentanza tiegħi fil-Parlament Ewropew flimkien ma’ sħabi biex niddefendu l-interess nazzjonali mhux biss bil-kliem, imma bl-azzjonijiet tagħna f’kull ħin u f’kull waqt.”
F’intervista li għamillu Emanuel Cuschieri waqt l-istess tnedija, Daniel Attard ta’ 31 sena spjega li hu diġà ħadem fl-istituzzjonijiet Ewropej. Ħidma li għadha għaddejja tant li llum hu fdat mill-Gvern biex jirrappreżenta lil Malta f’negozjati dwar ċerti direttivi jew aħjar liġijiet Ewropej li jolqtu lil kulħadd.
Riċentament hu serva wkoll bħala Deputat Kummissarju Għoli ta’ Malta għar-Renju Unit, u kellu anke esperjenza fil-Ġnus Magħquda waqt il-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Unioni Ewropea.
Indirizzaw ukoll l-attività Michele Muscat, is-Segretarji Parlamentari Glenn Bedingfield u Alison Zerafa Civelli, u l-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista Dr Alfred Sant, li lkoll rrikonoxxew il-kandidatura ta’ Daniel Attard bħala waħda validissima għall-Partit Laburista u għal Malta fl-Ewropa.