Wara sitt snin mistenni jirritorna fix-xena tal-produzzjoni l-attur leġġendarju u kummidjant Rowan Atkinson, bir-raba’ film ġdid fis-sequel ta’ ‘Johnny English’.
Waqt li rapporti internazzjonali jindikaw li dan il-film se jkun qed jibda jiġi ffilmjat f’pajjiżna, fost oħrajn, mis-sajf li ġej, sorsi qrib l-industrija, li tkellimna magħhom, indikaw li t-taħditiet għadhom għaddejjin.
F’din is-serje ta’ films komiċi, li huma wkoll parodija tal-films ta’ James Bond, l-attur Ingliż ta’ 69 sena jinterpreta l-parti tal-aġent sigriet li jinvolvi ruħu f’intriċċi kbar u taħwid li hu biss kapaċi jagħmel. Minkejja dan, xorta dejjem tiġih tajba.
F’din is-serje ċinematografika, Atkinson, li hu aktar magħruf għas-serje ta’ ‘Mr Bean’, ħadem il-parti fi tliet films ta’ spjunaġġ li kienu jinkludu ‘Johnny English’ fl-2003, ‘Johnny English Reborn’ fl-2011 u ‘Johnny English Strikes Again’ fl-2018.