Tewmin ta’ tliet snin mill-Indja tilfu ħajjithom wara li għerqu fil-magna tal-ħasil meta ommhom ħarġet mid-dar għal ftit minuti.
Iż-żewġ subien, Nishand u Nakshya, instabu minn missierhom fil-magna tal-ħasil tal-familja wara li hu u martu għamlu tlettin minuta jduru ifittxuhom madwar ir-residenza tagħhom f’Rohini f’Delhi.
L-omm, li hi magħrufa bħala Rakhi, imliet il-magna tal-ħasil bi 15-il litru ilma kmieni filgħodu u ħalliet lit-tewmin jilgħabu madwar id-dar għall-ħabta tan-12:30.
Hi ħarġet mid-dar għal ftit minuti biex tixtri sapun tal-ħwejjeġ u kif irritornat lura sitt minuti wara ma setgħetx issib lit-tfal.
Minn hemm ċemplu lill-Pulizija u l-missier mar jiġri d-dar biex jgħin fit-tfittxija. Kien propju ftit wara li sfortunatament sab lit-tfal tiegħu mgħerrqa fil-magna tal-ħasil.
Filwaqt li t-tewmin ġew iddikjarati mejtin fuq il-post, il-missier ma riedx jemmen u baqa’ sakemm ħadhom l-isptar fejn tawh l-istess aħbar.
Fir-rapport tagħha mal-Pulizija, l-omm qalet li x’aktarx it-tfal irnexxielhom jidħlu fil-magna tal-ħasil billi tellgħu fuq il-muntanja ħwejjeġ li kellek maġenbha.
L-awtopsja mistennija ssir din il-ġimgħa l-aktar biex ikun diterminat jekk hemmx evidenza li dan il-każ ma kienx inċident.