Intemmet il-konsultazzjoni pubblika dwar il-White Paper ‘Ġustizzja aktar effettiva mal-vittmi tad-droga’.
Fi stqarrija ngħad li s-sottomissjonijiet minn stakeholders u ċittadini, fost oħrajn, urew rispons pożittiv.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon, il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard fakkar li l-għan wara din ir-riforma importanti huwa li jintlaħaq bilanċ ġust u effettiv bejn l-interess tat-twettiq tal-ġustizzja u r-rijabilitazzjoni tal-vittmi tad-droga.
Stqarr, “L-ammont notevoli ta’ sottomissjonijiet huma konferma ta’ kemm kienet neċessarja din ir-riforma. Minn punt politiku, irrid nosserva wkoll li waqt li kellna Partit Nazzjonalista – Oppożizzjoni – li qed tappellalna biex nirtiraw din ir-riforma, issa ħarġu jappoġġjaw il-maġġorparti ta’ dawn il-proposti u huwa indikattiv ukoll kemm kienet importanti li mmorru għal din it-tip ta’ riforma f’settur tant importanti f’pajjiżna li jindirizza l-pjaga soċjali tad-droga.”
Fl-aħħar ġimgħat saru diversi laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-istakeholders prinċipali fosthom is-Sedqa, il-Caritas u l-OASI, kif ukoll laqgħat mal-pubbliku.
Il-Ministru Attard semma kif marru għand dawk li ta’ kuljum ikollhom kuntatt ma’ dawk li huma verament vittmi tad-dipendenza fuq id-droga.
Qal li l-esperjenzi tagħhom iżidu d-determinazzjoni tal-Gvern li ma jinstabbtux bibien f’wiċċ il-vittmi ġenwini ta’ din il-pjaga soċjali, li jixtiequ jirrijabilitaw irwieħhom u saħansitra oħrajn li diġà bdew dan il-proċess biex itejbu ħajjithom.
Stqarr, “Il-feedback kollu li rċevejna issa se jiġi mixtarr biex ngħaddu għall-pass li jmiss, pass leġislattiv biex nippreżentaw l-abbozzi neċessarji fil-Parlament ħalli nattwaw din ir-riforma u nilħqu l-għan aħħari ta’ kulħadd; dak li noffru opportunità lil dawk kollha li huma vittmi ġenwini tad-droga u li jixtiequ opportunità li jibdlu ħajjithom mill-ġdid.”