Jittella’ katavru ta’ raġel mill-baħar li nstab fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni
Aktar kmieni dalgħodu, ittella’ katavru mill-baħar li nstab fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni.
Kien għall-ħabta tad-disgħa u għoxrin ta’ dalgħodu, li l-Pulizija rċeviet informazzjoni li ntlemaħ katavru fl-inħawi ta’ Wied ix-Xaqqa f’Birżebbuġa.
ONE News huwa nfurmat li mill-ewwel bdiet ħidma biex jiġi identifikat il-post fejn intlemaħ il-katavru. Dan ittella’ bl-għajnuna tal-Protezzjoni Ċivili, u ddaħħal mal-moll fil-Bajja ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa.
Minn investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-ġisem huwa ta’ raġel, però mistennija ssir awtopsja fuq il-katavru biex tiġi stabbilita l-identità u l-kawża tal-mewt peress li nstab fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni.
Dwar il-każ inħatret inkjesta Maġisterjali u l-investigazzjonjieti tal-Pulizija għadhom għaddejjin.