Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, ċaħad b’mod kategoriku rapport tan-NET il-Ġimgħa u li ġie ripetut fil-ħarġa tal-gazzetta In-Nazzjon is-Sibt, b’diskors li hu qatt ma qal.
Fi tweġiba bi dritt, skont il-Liġi tal-Istampa, mill-Ministeru stess ingħad li l-midja Nazzjonalista vvintat li l-Ministru Bonnici għadda kummenti dwar l-organizzazzjoni tal-Malta Eurovision Song Contest li fil-verità qatt ma qalhom.
Bil-kitba, il-midja Nazzjonalista kkwotat lill-Ministru jgħid li “l-udjenza xxekkel il-livell għoli tal-Malta Eurovision Song Contest”, minkejja dan fil-filmat, li xxandar mal-istess rapport tan-NET, Dr Bonnici mkien ma qal dan.
Fit-tweġiba bi dritt ingħad li “l-Ministru Bonnici fl-ebda mument ma qal il-kwotazzjoni fittizja u vvintata li wkoll tpoġġiet fit-titlu tar-rapport, li ġie ripetut fl-istorja nnifisha. L-artiklu stess jikkonferma l-qerq u l-iskop malinn, għax fis-sound clip imxandra, ma tingħad imkien il-kwotazzjoni diretta vvintata mill-istazzjon NET.”