Il-11 ta’ Frar hi l-ġurnata annwali Ewropea ddedikata biex titrawwem aktar kuxjenza favur in-numru uniku tal-emerġenza fl-Unjoni Ewropea, il-112, waqt li tiġi rikonoxxuta l-ħidma ħabrieka ta’ dawk kollha li jagħtu servizzi ta’ emerġenza.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, u dak għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, fl-Iskola Primarja tal-Gudja, tħabbru numru ta’ inizjattivi bil-għan li jfakkru din il-ħidma.
Preżenti fuq il-post kien hemm rappreżentanti tal-korpi dixxiplinati, bħall-Pulizija, il-Protezzjoni Ċivili, il-Forzi Armati, flimkien ma’ timijiet mediċi, li taw struzzjonijiet lit-tfal tal-Primarja anke, fost oħrajn, kif jagħmlu s-CPR f’każ ta’ emerġenza fejn persuna jkollha problemi b’qalbha.
Il-Ministru Camilleri qal li minn kważi disgħin elf telefonata ġenwina li daħlu fil-control room tal-112 is-sena li għaddiet, sebgħa u sebgħin fil-mija minnhom kienu każi ta’ emerġenza medika u ġew indirizzati lis-servizz tal-ambulanza tad-Dipartiment tas-Saħħa.
Minbarra hekk, mat-tnax-il elf oħra jew tlettax fil-mija għaddew għand id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, aktar minn tmint elef jew għaxra fil-mija kienu indirizzati lill-Pulizija u ftit iżjed minn mitejn telefonata kienu jikkonċernaw lill-Forzi Armati biex joffru l-għajnuna meħtieġa.
Il-Ministru tenna l-ħtieġa ta’ użu mill-aktar responsabbli tan-numru 112, għax telefonata b’ingann jew b’ċajta tista’ anke tfisser ħajjet xi ħadd li jkun qed jistenna biex juża s-servizz.
Semma wkoll l-investiment qawwi li qed isir biex il-forzi tal-ordni jkollhom l-għodda ħalli jwieġbu għas-sejħiet b’mod iktar effettiv. Fil-fatt, kull telefonata fuq il-112 titwieġeb f’medja ta’ tliet sekondi, għaldaqstant hu appella lill-pubbliku biex juża l-112 b’responsabbiltà.
Qal, “L-appell tagħna mhux biss li n-nies jużaw is-servizz tal-112, iżda li jużawh tajjeb, jużawh biss fl-emerġenzi, għax sfortunatament jekk ma jintużax f’emerġenzi jew jiġi użat b’mod abbużiv se taffettwa lil ħaddieħor li għandu bżonn b’mod ġenwin dan is-servizz.”.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni saħaq fuq l-għarfien relatat mal-112 u fuq ix-xogħol siewi li jsir minn nies li jipprovdu tali servizzi ta’ emerġenza.
Stqarr, “Jekk wieħed iħares lejn is-sistema edukattiva tagħna, hu importanti li nagħtu esperjenzi differenti permezz ta’ programmi differenti lit-tfal tagħna, esperjenzi li jgħinuhom ikollhom aktar għarfien u aktar ħiliet, ngħinuhom fl-iżvilupp sħiħ tagħhom. U proprju llum, permezz ta’ dan l-għarfien relatat proprju mal-112, qegħdin nuru lil dawn it-tfal b’mod effettiv, b’mod li jibqgħu anke jiftakruh, ix-xogħol siewi li jsir minn nies li jipprovdu servizz proprju marbut ma’ dan is-servizz tant essenzjali għal pajjiżna.”