Mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, nediet l-ewwel edizzjoni tal-prempju MARA. F’konferenza tal-aħbarijiet, hi spjegat li dan il-prempju se jiċċelebra l-kisbiet tan-nisa f’kull qasam tas-soċjetà f’pajjiżna, nhar Jum il-Mara, fit-8 ta’ Marzu.
Dr Abela semmiet eżempji riċenti li saru biex il-mara tavvanza aktar ’il quddiem, fosthom b’aktar nisa fil-Parlament u anke fil-kunsilli lokali.
Mart il-Prim Ministru appellat lis-sindki u l-presidenti tar-reġjuni biex jagħżlu mara li għamlet impatt f’dik il-lokalità rispettiva. Hi spjegat li, bħal-lum xahar, dawn in-nisa se jinġabru flimkien biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom.
“Permezz tagħha se nkunu qegħdin nippremjaw mara minn kull lokalità madwar Malta u Għawdex, mara li b’xi mod jew ieħor ħalliet impatt fuq il-ħajja tar-residenti ta’ dik il-lokalità. F’Jum il-Mara, bħal dejjem nirrikonoxxu l-kisbiet kbar li għamlet il-mara, però nħarsu lejn l-isfidi li għad jonqosha l-mara u għalhekk ħassejna li b’din l-inizjattiva MARA nkomplu nqajmu aktar għarfien dwar ir-rwol tal-mara fis-soċjetà tagħna.”
Dr. Lydia Abela – Mart il-Prim Ministru
Preżenti wkoll għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, u s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg.