Wara li fis-sigħat li għaddew Hibernians FC ġew mogħtija spjegazzjoni dettaljata tad-deċiżjoni li ttieħdet mill-bord tal-protesti tal-MFA sabiex ir-riżultat tal-partita kontra Hamrun Spartans jibqa’ jgħodd, l-istess klabb il-Ħamis wara nofsinhar ħareġ stqarrija fil-konfront tal-istess assoċjazzjoni u d-deċiżjoni meħuda.
Hibernians FC kienu daħlu protest dwar l-ineġibilità skont huma tal-plejer Christian Rutjens liema protest ma ntlaqax mill-bord tal-protesti tal-MFA.
Fl-istqarrija li ħarġu Hibernians FC huma qed isostnu li l-klabb ingħata raġun fil-mertu tant li l-bord tal-protesti tal-MFA rrikonoxxa illi l-plejer ma skontax is-sospensjoni kollha li huwa kellu jiskonta skont ir-regolamenti. Skont it-tim minn Raħal Ġdid, inħoloq preċedent serju kontra l-integrità tal-logħba.
L-istess stqarrija sostniet li fid-deċizjoni tal-bord tal-protesti ntqal bla ebda riservi li l-MFA ammettiet illi għamlet żball, minħabba li naqset milli tindika fis-sistema TMS li l-plejer kellu sospensjoni x’jiskonta. Hibernians sostnew illi din l-ammissjoni tal-MFA dwar in-nuqqasijiet gravi tagħha ma saritx fis-seduta quddiem l-bord tal-protesti, u għalhekk l-klabbs parteċipi fis-smigħ ma’ kellhomx l-opportunità jikkonfrontaw din l-istqarrija waqt is-seduta tal-bord.
L-stqarrija kompliet tgħid illi fid-dawl tal-fatt illi dan il-każ kollu twieled minn żball gravi tal-assoċjazzjoni, il-klabb qiegħed jistenna r-reazzjoni tal-istess MFA u d-deċiżjonijiet tagħha dwar dan, inkluż kif se jġorr ir-responsabbiltà s-Segretarju Ġenerali.
Hibernians FC temmew l-istqarrija tagħhom billi sostnew li huma se jieħdu l-passi kollha neċessarji sabiex jissalvagwardjaw l-interessi tagħhom.
B’reazzjoni għal dan, wieġbet ukoll l-MFA permezz ta’ stqarrija oħra. L-MFA sostniet li d-dokumentazzjoni kollha marbuta mat-trasferiment tal-player in kwistjoni minn Floriana lejn Calcio Foggia 1920 f’Jannar 2023, li kienet tindika li l-player ma kellu l-ebda sospensjoni pendenti, intbagħtet liż-żewġ partijiet fil-protest ġimgħa qabel is-smigħ, jiġifieri fil-25 ta’ Jannar 2024.
L-MFA qalet li l-klabb kien fil-libertà li jtella’ xhieda anki mill-amministrazzjoni tal-Assoċjazzjoni waqt is-smigħ, kif inizjalment kien indika li bi ħsiebu jagħmel. Għaldaqstant, huwa skorrett li tingħata l-impressjoni li ma kienx hemm ‘disclosure’ sħiħa taċ-ċirkostanzi tal-każ min-naħa tal-assoċjazzjoni kompliet tgħid lis-stess stqarrija.
Abbażi tal-Artiklu 64(13) tal-Istatut, id-deċiżjonijiet kollha tal-bord tal-protesti huma finali u jorbtu lill-partijiet kollha kkonċernati u b’hekk l-Assoċjazzjoni mhux se tkun qed tikkummenta aktar fuq il-każ temmet tgħid lis-stqarrija tal-stess MFA.