L-anzjani Furjaniżi, li għadhom jgħixu fil-komunità, se jibdew igawdu mis-servizz ta’ Ċentru ta’ Matul il-Jum ġdid. Dan il-proġett sar b’investiment parzjalment iffinanzjat minn fondi Ewropej, fejn is-sular ta’ fuq tal-binja tal-Kunsill Lokali, li ma kienx qiegħed jintuża, inbidel f’Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-anzjani li jgħixu fil-komunità.
Il-proġett kien jinkludi xogħlijiet biex il-binja tkun aktar aċċessibbli għall-anzjani, inkluż l-installazzjoni ta’ lift u toilets aċċessibbli. Il-proġett kien jinkludi wkoll l-installazzjoni ta’ kitchenette ġdida u kamra għar-rikreazzjoni biex l-anzjani jkollhom post adegwat fejn jissoċjalizzaw.
F’din il-kamra se jkun hemm carer preżenti biex tassisti lill-anzjani.
Hu ppjanat ukoll li jibdew jingħataw korsijiet bażiċi, fosthom fl-użu tal-kompjuters, għal dawk l-anzjani interessati. Fost l-ewwel anzjani li żaru dan il-post kien hemm Joseph Farrugia, li hu mħajjar jitħarreġ fil-kors.
“Erġajt tħajjart, għax jekk inti ma jkollokx dan it-tip ta’ teknoloġija, illum aktar avvanzata, din it-teknoloġija qisek tkun barra minn lokok, għax b’dawn l-affarijiet moderni tkun tista’ tikkomunika l-affarjiet li għandek bżonn”.
Joseph Farrugia – Anzjan
Is-Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Furjana, Vincent Borg, spjega li l-ġranet tal-ftuħ se jkunu mit-Tnejn sal-Ġimgħa, matul in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, tkellem dwar l-importanza ta’ dawn iċ-ċentri ta’ matul il-jum fejn l-anzjani għandhom iċ-ċans li jiltaqgħu flimkien, jissoċjalizzaw u jiġġieldu s-solitudni. Hu spjega kif, flimkien ma’ programmi ta’ attivitajiet fiżiċi u ta’ stabbiltà mentali mfassla għall-individwi, dan jissarraf fi kwalità ta’ ħajja aħjar u serħan il-moħħ għall-qraba.
Temm jgħid kif dawn iċ-ċentri ta’ matul il-jum, qed ikomplu jgħinu u jagħtu dinjità lill-anzjani waqt li jibqgħu parti mill-komunità.
“Eżempju ċar fejn għandek l-anzjani li għadhom jgħoddu ħafna fis-soċjetà tagħna, qegħdin jitgħallmu l-kompjuter, qegħdin huma stess ikunu ta’ xprun għal ħaddieħor li jiġu hawnhekk, jitkellmu flimkien, niġġieldu s-solitudni flimkien.”
Malcolm Paul Agius Galea – Segretarju Parlamentari
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, qalet li l-Gvern jemmen bi sħiħ fl-importanza tal-inklużjoni u l-aċċessibbiltà għal soċjetà aktar ġusta u li dawn iż-żewġ fatturi se jissarrfu tajjeb fil-komunità Furjaniża permezz tal-proġett.
“Bħala Gvern kommessi li nkomplu nsostnu u ngħinu lill-Kunsilli Lokali jkomplu jwettqu u jimplimentaw proġetti biex ikunu r-residenti tagħhom li jgawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar”.
Alison Zerafa Civelli – Segretarju Parlamentari
Preżenti waqt din l-inawgurazzjoni kien hemm ukoll diversi membri mill-Kunsill Lokali tal-Furjana u l-Assistent Direttur fi ħdan il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tan-Norveġja, Torill Johansen.