Fil-Qorti, quddiem l-Imħallef Toni Abela, kompliet il-kawża kontra l-Avukat tal-Istat li fetħu l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech u l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Fil-bidu ta’ din is-seduta, l-Imħallef Abela staqsa jekk iż-żewġ partijiet humiex se jitolbuh jirrikuża ruħu mill-kawża, minħabba li qabel kien fil-politika u kien jattendi għal-laqgħat tal-Kabinett bħala konsulent tal-Prim Ministru. Hawnhekk iddikjara li hu qatt ma ħa voti jew ġie kkonsultat dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet.
Iż-żewġ partijiet qablu li l-Imħallef Abela għandu jibqa’ f’din il-kawża.
Mis-seduta tal-Ħamis, din il-kawża bdiet tidher quddiem l-Imħallef Abela, hekk kif l-Imħallef preċedenti Giovanni Grixti kien irrikuża ruħu x-xahar li għadda.
Dwar din il-kawża tkellem mal-ġurnalisti l-Prim Ministru Robert Abela, barra l-binja tal-Qorti.
“Kawża li fiha qed joħroġ, ma’ kull minuta li tgħaddi minnha b’mod aktar ċar, kemm saret esklussivament biex tfixkel il-proċeduri ta’ arbitraġġ internazzjonali li dan il-Gvern ilu jmexxi issa sa minn kważi sena ilu. Hi kawża li hemm element ta’ aggressività li qed jintwera min-naħa tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-konfront ta’ esponenti tal-Gvern preċedenti jew tal-Gvern tal-lum il-ġurnata wkoll, li juri u jikxef ngħid, l-għan veru warajha, li ċertament mhumiex dak li jipproteġi l-interessi tal-poplu Għawdxi u Malti.”
Robert Abela – Prim Ministru
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar kif żviluppat din il-kawża u l-intriċċi tal-Partit Nazzjonalista.
“Ma nistax ma nikkummentax fuq l-episodju li ġara mill-aħħar seduta sal-lum, fejn kellek l-astensjoni tal-Imħallef Grixti, wara dak li kien ġara fl-ewwel seduta min-naħa tal-Oppożizzjoni, fejn dakinhar kienu ppontaw pistola ma’ ras l-Imħallef Grixti, pistola li eventwalment faqqgħet u l-Imħallef Grixti tpoġġa daharu mal-ħajt u kellu jirrikuża ruħu. Episodju, fil-fehma tiegħi tal-misħija, sfaċċatament, konfrontalment tqajjem episodju min-naħa tal-Oppożizzjoni li tqajjem il-mejjet, għax l-Oppożizzjoni attakkat lill-Imħallef, għax kien kuġin ta’ kirurgu, li għal diversi snin mejjet. Kien episodju li jikkonferma kemm il-Partit Nazzjonalista mhux jirrispetta l-istituzzjonijiet, imma jheddidhom biex jiddeċiedu kif irid hu.”
Robert Abela – Prim Ministru
Preżenti wkoll għal din il-kawża, flimkien mal-Prim Ministru, kien hemm il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard.