Meta kien qed jitkellem fl-istadju tat-Tieni Qari dwar l-Abbozz ta’ Liġi li se jwaqqaf l-Awtorita dwar l-Azzjoni Klimatika, il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi stqarr li bis-saħħa ta’ din l-Awtorita issa se jkollna il-mekkaniżmu li se jikkordina l-aspetti u l-inizjattivi kollha li qed jittieħdu minn diversi entitajiet, kollha miżuri immirati kontra it-tibdil fil-klima.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi saħaq li bil-miri ambjentali u obbligi ta’ tnaqqis fl-emmissjonijiet li għandu l-pajjiż jfisser li l-ekonomija tagħna trid tkun aġġornata biex it-tħaddim tagħha jħalli impatt dejjem inqas fuq l-ambjent. Dan irid isir fid-direzzjoni li jintlaħqu l-miri li għandha Malta flimkien mal-Unjoni Ewropea kollha, jiġifieri li sas-sena 2050, ikunu spiċċaw l-emmissjonijiet tal-karbonju.
Bħala pajjiż żgħir b’impatt mill-inqas fuq l-ambjent dinji, li nilħqu l-miri ambjentali jista’ jkun ta’ sifda imma dan irridu nagħmluh ukoll fl-istess waqt li nippjanaw għall-effetti li jista’ jkollu fuq pajjiżna t-tibdil fil-klima. Irridu nikkunsidra ir-realta marittima tal-gżejjer tagħna bħal per eżempju il-livell dejjem jogħla tal-baħar, l-effett fuq il-provista tal-ilma u x’tip ta’ produzzjoni tal-ilma jista’ jkollna, u x’impatt jista’ jkollna b’maltempati ta’ xita qawwija li tista’ ġġib għargħar.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi fakkar f’diversi inizjattivi li diġà ttieħdu fosthom il-pubblikazzjoni ta’ dak magħruf bħala Document F li qed jagħti l-gwida ta’ kif il-binjiet il-ġodda jridu jiffunzjonaw bl-użu effiċjenti tal-enerġija u anke kif għandu jsir retrofitting ta’ binjiet eżistenti biex dawn ukoll inaqqsu l-emmissjonijiet.
Il-Ministru fakkar fl-impenji ambjentali li daħal għalihom il-Gvern permezz tal-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Unjoni Ewropea (RRP) b’impenn qawwi biex il-parti l-kbira ta’ dawn il-fondi jkunu indirizzati lejn din it-transizzjoni lejn ekonomija aktar ħadra u ambjentalment sostenibbli.
Il-Gvern qiegħed ukoll ikun innovattiv meta mhux biss qed jimmassimiżża l-użu fuq l-art ta’ sistemi li jiġġeneraw enerġija alternattiva imma issa qed jara wkoll kif jista’ juża l-ispazju fil-baħar għal dan il-għan.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi temm jgħid li dawn l-inzjattivi mhumiex għan fihom infushom imma mixja fid-direzzjoni li l-Gvern irid jagħti lill-ekonomija tagħna li permezz tagħhom jkunu qed jinħolqu niċeċ ekonomiċi ġodda u ta’ investiment ġdid li rridu nattiraw lejn il-pajjiż. F’dan l-ambitu, il-liġi li ser twaqqaf din l-Awtorita ser tipprovdi dan il-mekkaniżu importanti ta’ koordinament biex nimxu f’din id-direzzjoni.