Tħabbret il-mewt tas-sassofonista leġġendarju Malti, Sammy Murgo, fl-għomor ta’ 87 sena. Hu kien meqjus bħala wieħed mill-aqwa esponenti ewlenin tal-mużika Jazz f’pajjiżna.
Murgo ferraħ u ispira mill-inqas tliet ġenerazzjonijiet ta’ artisti, waqt li bena reputazzjoni kbira permezz tal- passjoni intensa għal din it-tip ta’ mużika.
Minkejja l-fama fuq skala nazzjonali, Murgo baqa’ jżomm profil baxx u kien iddedikat ħafna biex jappoġġja mużiċisti ġodda tal-Jazz jistabbilixxu lilhom nfushom f’Malta.
Murgo, li kien mwieled il-Furjana, beda jistħarreġ il-vjolin fl-età żgħira ta’ seba’ snin, taħt il-gwida ta’ Agostino Camilleri, u ftit wara fl-eta ta’ 13-il sena hu dawwar l-attenzjoni tiegħu lejn l-istrument tas-saxophone, grazzi għall-gwida tas-Surmast Turu Pace.
Il-karriera twila wasslel lil Murgo biex jikkollabora ma’ mużiċisti lokali u barranin, inkluża l-banda tas-Sitt Flotta tal-Qawwa Navali Amerikana, waqt li ddomina x-xena tad-divertiment f’varji lukandi u diskoteki.
Murgo baqa’ jipparteċipa fix-xena tal-Jazz lokali u kemm-il darba ta prestazzjonijiet live ma’ mużiċisti rinomati, bħall-pjanista Amerikan Andy Jaffe fil-Malta Jazz Festival.
Hekk kif tħabbret il-mewt tiegħu, bosta esprimew il-kondoljanzi tagħhom, inkluż il-Ministru responsabbli mill-Kultura, Owen Bonnici.
F’post fuq il-midja soċjali, hu stqarr li Murgo kien wieħed mill-esponenti ewlenin tax-xena tal-Jazz hawn Malta, b’talent straordinarju.