Iċ-Ċentru tal-Ilsien Malti nieda taħdita li ssostni l-iżvilupp ta’ għodod diġitali speċifikament għal-lingwi ta’ pajjiżi żgħar bħalma huma Malta u l-Latvja. It-taħdita saret bis-sehem tal-President tal-Latvja nnifsu, Edgars Rinkēvičs, li bħalissa jinsab f’pajjiżna għal żjara statali, u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici.
It-taħdita ttellgħet fi Spazju Kreattiv, il-Belt Valletta, u fiha ħadu sehem diversi entitajiet li għandhom sehem kruċjali fl-ilsien Malti, l-intelliġenza artifiċjali, it-teknoloġija tal-informatika, ir-riċerka u l-amministrazzjoni pubblika.
Malta u l-Latvja t-tnejn iħaddnu lsien uniku, li maż-żmien it-tnejn li huma għaddew minn sfidi minħabba l-istorja soċjo-politika tagħhom u t-tnejn qed jimpenjaw irwieħhom biex jippriservaw il-Malti u l-Latvjan rispettivament.
Il-Ministru Bonnici qal li l-Gvern hu kommess li jagħti sostenn lil proġetti għall-iżvilupp u d-distribuzzjoni tal-għodod lingwistiċi li jappoġġjaw l-użu tal-lingwa Maltija, kemm fit-tagħlim u anke fil-ħidma ta’ kuljum, ewlenin fosthom fl-amministrazzjoni pubblika.
Qal li l-ħidma taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti għaddej b’ritmu tajjeb u fakkar kif lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar qed jieħu ħsieb itella’ l-Forum Nazzjonali dwar l-Ilsien Malti.
Il-President Rinkēvičs qal li l-Latvja u Malta, minkejja d-daqs żgħir tagħhom, iħaddnu storja u kultura rikka, li jirriflettu ruħhom fl-ilsien tagħhom.
Żied jgħid li kollaborazzjoni bilaterali teknoloġika bejn kumpanija Latvjana, bl-isem ta’ Tilde, u l-Gvern Malti qed isservi bħala xhieda ta’ kemm dawn iż-żewġ pajjiżi jistgħu javvanzaw b’tali mod li jippromwovu kemm il-kompetittività u anke l-preservazzjoni tal-wirt kulturali tal-Latvja u Malta.
Tkellmet ukoll il-Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti, Norma Saliba, li elenkat il-ħidma matul dawn l-aħħar xhur u kif, wara diversi laqgħat ma’ organizzazzjonijiet u individwi, żviluppaw inizjattivi u proġetti mhux biss biex nipproteġu ilsienna bħala wirt uniku, iżda biex f’dinja globalizzata, u f’pajjiż dejjem aktar multikulturali, tissaħħaħ il-lingwa nazzjonali tagħna.
Tat l-eżempju tal-proġett traduzzjoni.mt, sit elettroniku bla ħlas għall-qalba ta’ testi legali u dokumenti uffiċjali oħrajn. F’dan il-proġett huma involuti l-Università ta’ Malta, l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, l-aġenzija MITA u l-kumpanija mil-Latvja Tilde, bl-appoġġ tal-Ministeru għall-Wirt Kulturali, l-Arti u Gvern Lokali u l-Kummissjoni Ewropea.