Waqt diskors fil-Parlament, il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, qal li waqt dan iż-żminijiet ta’ sfidi internazzjonali ma jreġiex li jiżdiedu t-taxxi f’pajjiżna.
Dan filwaqt li sostna li pajjiżna hu l-uniku pajjiż fl-Ewropa, li qed jagħti sussidji biex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija u l-fuels stabbli. Din is-sena, dan is-sussidju jammonta għal tliet mija u ħamsin miljun ewro (€350 miljun).
Il-Ministru Caruana qal dan fid-dawl li ċerti msieħba soċjali qed jappellaw lill-Gvern biex ikun hemm tnaqqas fit-taxxi.
“Issa meta wieħed ikun qed jimplika, meta jagħmel proposti bħal dawn, li tnaqqas il-VAT, li tnaqqas ’l hemm u tnaqqas ’l hawn. Huwa, li isma’ tawlilna ftit il-ħajja tagħna, agħtina aktar nifs. Imma għas-spejjeż ta’ xiex? Għas-spejjeż tal-finanzi tal-Gvern, li diġà qed nagħmlu dak li fl-Ewropa ħadd mhu qed jagħmel.”
F’dan id-diskors, il-Ministru għall-Finanzi spjega li l-Unjoni Ewropea qed tagħfas lill-membri stati dwar il-finanzi tagħhom. Spjega li l-Kummissjoni Ewropea trid li l-pajjiżi jkollhom defiċit taħt it-tlieta fil-mija u l-proporzjon tad-dejn mal-Prodott Gross Dometisku jkun taħt is-sittin fil-mija.
Dwar dan tal-aħħar, qal li f’Malta d-dejn diġà hu inqas minn sittin fil-mija u dan fi żmien ta’ sfidi internazzjonali, waqt li d-defiċit din is-sena mistenni jkun ta’ 4.5%.
Hawnhekk il-Ministru Caruana spjega li l-mira tal-Gvern hu li jnaqqas dan b’0.5% kull sena, biex sal-2030, dan ikun ta’ 1.5%, in-nofs ta’ dak li hu mistenni mill-Unjoni Ewropea.
“L-Unjoni Ewropea wkoll issemmi li, biex wieħed inaqqas id-defiċit tiegħu għal 3%, mingħajr ma jkollu superviżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, wieħed għandu ż-żmien ta’ erba’ snin u aħna għalina erba’ snin huma aktar minn biżżejjed. Għaliex? Għax jekk din is-sena ħa nkunu 4.5%, jekk ninżlu b’0.5% kull sena, dak ifisser li fi żmien tliet snin, inkunu taħt it-3%.”
Intqal li din l-istituzzjoni qed tagħfas b’mod finanzjarju minħabba li din bdiet il-proċess biex jissieħbu aktar stati membri fl-Unjoni, li ekonomikament mhumiex b’saħħithom daqs il-membri attwali.