L-Unjoni Ewropea tinsab imħassba dwar is-saltna tad-dritt u d-demokrazija fil-Greċja. Dan wara li l-Erbgħa waranofsinhar għadda vot dwar riżoluzzjoni dwar dan il-pajjiż fil-Parlament Ewropew.
Din ir-riżoluzzjoni damet snin sħaħ biex tiġi diskussa, minħabba r-reżistenza qawwija mill-Partit tal-Popolari Ewropew, l-EPP, li jagħmel parti minnu l-Partit Nazzjonalista u l-Ewroparlamentari tiegħu, Roberta Metsola u David Casa.
L-Unjoni Ewropea tinsab imħassba wara li l-Gvern Grieg, li wkoll jagħmel parti mill-EPP, wettaq spjunaġġ fuq telefonati ta’ ġurnalisti, attivisti u anke politiċi mill-Oppożizzjoni. Dan minbarra l-qtil tal-ġurnalist George Karaivaz f’April tal-2021.
Kien b’insistenza tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, li sar dan id-dibattitu u ttieħed vot fi tmiemu.
Ftit tal-ġimgħat ilu, il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Cyrus Engerer ġie appuntat mill-ġdid biex imexxi n-negozjati dwar is-saltna tad-dritt fil-Greċja.
F’kumment ma’ ONE News, Engerer kien innota l-ipokrezija tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, hekk kif instigaw diversi dibattiti kontra pajjiżna, waqt li fixklu biex jiddiskutu l-azzjonijiet ta’ gvernijiet li huma parti mill-EPP.