B’investiment ta’ aktar minn mija u tlieta u sebgħin miljun ewro, il-Gvern għaddej b’erbatax-il proġett infrastrutturali fil-qasam edukattiv biex jissarrfu f’esperjenza skolastika tal-ogħla livell għall-istudenti Maltin u Għawdxin.
Fost dawn il-proġetti hemm dak tal-iskola l-ġdida fl-Imsida, li żaru l-Prim Ministru Robert Abela u seta’ jara kif ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tlestew biex issa l-proġett daħal fl-aħħar fażi tiegħu.
Ix-xogħlijiet hawnhekk kienu jinkludu t-twaqqigħ tal-iskola li kien hemm qabel biex titla’ binja ġdida, li se tinkludi wkoll żoni ta’ rikreazzjoni.
Il-Prim Ministru rrimarka li dan hu l-mod kif pajjiżna qed jibqa’ jipprovdi l-aqwa edukazzjoni, li hi l-bażi biex kull tifel u tifla f’pajjiżna jwettqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.
Hu kompla wkoll li hu b’dan il-mod li qegħdin insarrfu l-ekonomija Maltija li qed tingħata ċertifikat wieħed wara ieħor. Dan filwaqt li kien għalhekk dan il-Gvern irnexxielu jikseb rekord ta’ fondi Ewropej biex jitgawdew mill-familji Maltin u Għawdxin.
Hu u jsemmi żewġ aspetti innovattivi ta’ dan il-proġett, fosthom l-outdoor classroom environment u l-ġonna vertikali, il-Prim Ministru spjega li investimenti bħal dawn imorru lil hinn mill-binja nnifisha, iżda qegħdin jassiguraw l-aqwa ambjent li fih jistgħu jirċievu l-edukazzjoni wlied pajjiżna.
Dan hu proġett li qed isir b’investiment ta’ madwar €24 miljun, parzjalment iffinanzjat mill-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza minn fondi Ewropej.
Preżenti wkoll waqt din iż-żjara kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, li qal li dan il-proġett juri kemm Gvern Laburista minn dejjem ta prijorità lil dan is-settur tant importanti għal pajjiżna.
Sostna li l-investiment li qed isir f’din l-iskola hu wieħed fit-tfal u fl-edukaturi tagħna. Bini edukattiv modern li fih l-istudenti mhux biss jieħdu l-edukazzjoni tagħhom, imma jieħdu wkoll gost jitgħallmu.
L-iskola l-ġdida fl-Imsida għandha madwar 40 klassi, 26 klassi normali u għadd ta’ klassijiet oħrajn għal suġġetti, speċifiċi fosthom l-iżvilupp personali u soċjali, l-arti, il-mużika, ix-xjenza, il-litteriżmu u l-etika.
L-iskola se jkollha wkoll Ċentru għall-Ħarsien tat-Tfal, librerija pubblika u sala li tesa’ madwar 300 persuna. Il-librerija pubblika, is-sala u parti mill-ispazju rikreattiv se jintużaw mill-komunità lokali wara l-ħinijiet tal-iskola. Taħt l-iskola hemm ukoll parkeġġ għal madwar 180 karozza fuq żewġ livelli.
Il-proġett jinkludi l-bini ta’ kumpless ġdid għall-Imsida Sea Scouts, bi spazju ta’ aktar minn 500 metru kwadru fuq barra u fuq ġewwa.