Il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli ħabbar l-estensjoni tal-iskema ‘Nikru Biex Nassistu’. F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid, il-Ministru responsabbli Roderick Galdes ħabbar li se joħroġ sejħa lill-privat biex jikri mingħandu diversi propretajiet, li jkunu jistgħu jerġgħu jinkrew lil persuni li għandhom bżonnijiet speċjali.
Il-Ministru Galdes sostna li din l-iskema qed toffri saqaf lil aktar minn elf familja.
Hu spjega li sidien li jikru l-proprjetà tagħhom lill-Awtorità tad-Djar ikunu qed jibbenefikaw minn kirja garantita għal għaxar snin, kirja bil-quddiem sa sitt xhur u eżenzjoni tat-taxxa fuq id-dħul tal-kirja.
“U ħafna drabi dawk is-sidien li krewlna, anke l-appartamenti fis-snin ta’ qabel, illum meta ġew biex jagħlqu l-kuntratt, reġgħu ġeddew għal għaxar snin oħra. Jiġifieri bnejna relazzjoni tajba magħhom, għax fuq kollox l-Awtorità tad-Djar tara li jkun hemm inkwilin, li jkun kif suppost, imma biex ngħinu s-sidien anke jibżgħu għall-proprjetà tagħhom.”
Il-Kap tat-Taqsima għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Mariella Cutajar, qalet li huma determinati biex, permezz ta’ skemi bħal dawn, jibqgħu jservu ta’ pont bejn il-potenzjal tas-settur privat u l-istabbiltà tas-soċjetà Maltija, speċjalment b’risq dawk l-aktar fil-bżonn.