Wara s-suċċess tas-sena li għaddiet bil-kunċert imsemmi ‘Classic Rock Anthems’, il-BBC Concert Orchestra se jkun qed jirritorna akbar minn qatt qabel għall-ħames edizzjoni tiegħu, fil-5 ta’ Lulju li ġej, għal darb’oħra fuq il-Fosos tal-Furjana.
It-tema magħżula għal din is-sena hi ‘The Iconic Queens of Soul!’ u l-kunċert se jinkludi mużika mill-ġeneri tar-Rock u l-Pop b’artisti ta’ fama dinjija, bħalma huma Tina Turner, Whitney Housten u Aretha Franklin, fost oħrajn.
Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza stampa mill-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Carlo Micallef, fil-preżenza ta’ Jason Carter u Anthony Cherry f’isem l-organizzaturi ta’ dan il-kunċert.
Sebgħin mużiċist, kważi 20 kantant mill-aqwa mill-West End u preżentatur ċelebri, se joħolqu dik li twiegħed tkun serata memorabbli.
Il-kunċert sensazzjonali se jesplora wħud mill-aqwa suċċessi miż-żminijiet tad-deheb sal-lum. Minn żmien il-musical ‘Singing in the Rain’ sa dak ta’ ‘La La Land’, minn ‘Gone With the Wind’ sa ‘Dirty Dancing’, u oħrajn bħall-films ta’ James Bond, is-soundtracks ta’ ‘The Bodyguard’ u ‘The Greatest Showman’, il-kunċert se jinkludi biċċiet mużikali għall-gosti ta’ kulħadd.
Il-Ministru Bartolo tenna li l-kuncert jagħmel parti mal-wirt kulturali u intanġibbli ta’ pajjiżna, bl-investiment li jsir mill-Gvern biex ikompli jsaħħaħ il-prodott turistiku u mużikali ta’ pajjiżna.
Id-Direttur Artistiku tal-kunċert, Anthony Cherry, għamel appell lill-pubbliku lokali u internazzjonali biex ma jitlifux din is-serata memorabbli li wkoll tiċċelebra l-mitt anniversarju ta’ Hollywood.
Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn fuq is-sit www.maltashows.com.