L-Aġenzija dwar is-servizzi tal-qrati bħalissa qiegħda tipparteċipa f’Expo li qed issir bejn il-5 u 9 ta’ Frar fil-Junior College bit-tema’ ‘Back on Track!’.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard u l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Eunice Grech Fiorini kienu fost dawk li żaru din l-esibizzjoni, fejn sabu jilqagħhom il-prinċipal tal-kulleġġ, is-Sur Paul Xuereb u diversi studenti.
L-għan ta’ din l-attività huwa li tagħti opportunità diretta lill-istudenti biex jiskopru u jibdew jesploraw rotot ta’ studju u karrieri differenti. L-Expo hija magħmula minn numru ta’ stands imwaqqfa fil-Foyer tal-Junior College li qed jippromovu karrieri differenti fosthom il-karrieri varji li toffri l-Aġenzija dwar is-servizzi tal-qrati bħal deputat reġistratur, assistent reġistratur, assistent ġudizjarju fost oħrajn.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard spjega kif ‘‘Il-preżenza tal-Agenzija dwar is-servizzi tal-qrati hija importanti f’din l-expo sabiex ikun assigurat li nkomplu nattiraw aktar persuni li jfittxu karriera fil-qrati tagħna biex inkomplu nsaħħu s-sistema ġudizjarja ta’ pajjiżna u s-servizz provdut lill-pubbliku, li jistenna li jara Ġustizzja sseħħ fi żmien raġonevoli.
Attard tenna billi rrimarka ‘‘li ħadt gost nisma’ lill-istudenti jitkellmu dwar il-pjanijiet li għandhom għall-futur u anki l-fatt illi din l-expo tathom l-opportunità jkomplu jixtarru u jimirħu fl-informazzjoni li hija neċċessarja biex ikomplu jieħdu d-deċiżjonijiet marbuta mal-karrieri rispettivi tagħhom.’’ Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija dwar is-servizzi tal-qrati Eunice Grech Fiorini rrimarkat kif ‘‘Ġejna hawnhekk biex nuru d-diversi karrieri illi wieħed jista’ jidħol għalihom fil-qrati tal-ġustizzja.
Qegħdin niltaqgħu mal-istudenti personalment u nispjegawlhom id-diversi rwoli u jkunu jistgħu jifhmu aħjar x’jinvolvu dawn l-irwoli.” L-istudenti huma mħeġġa biex iżuru l-istands u jistaqsu dwar kwalunkwe karriera jew korsijiet terzjarji li jixtiequ jsegwu fil-futur tagħhom.