Sal-bidu ta’ dan ix-xahar, il-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-ġdida, KM Malta Airlines, kellha mat-tliet mija u sebgħin elf (370,000) booking, l-ekwivalenti għal medja ta’ 4,000 booking kuljum.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana f’diskors fil-Parlament, fejn qal li dawn in-numri huma inkoraġġanti għal-linja nazzjonali tal-ajru l-ġdida, li se tibda topera mill-31 ta’ Marzu li ġej minflok l-Air Malta.
Il-Ministru Caruana sostna wkoll li s-seat load factor minn meta tibda topera l-kumpanija l-ġdida sa Ottubru li ġej diġà hu 30% mimli.
Il-Ministru Caruana sostna wkoll li bħalissa għaddej il-proċess li jkun hemm ftehim, minbarra dawk li diġà saru, mal-ħaddiema ta’ din il-kumpanija l-ġdida f’kull livell.
Qal, “Sintendi min-naħa tagħna nkomplu nagħmlu l-almu tagħna biex din il-kumpanija l-ġdida tal-ajru nazzjonali, iva, Sur President tkun tista’ taqdi l-ħtiġijiet tal-pajjiż. Però kif dejjem tennejt b’mod u manjiera wkoll li tkun tagħmel sens f’dak li għandu x’jaqsam pjan li hu bbażat li jagħmel profitt.”
Sadanittant, rapport tal-Bank Ċentrali, li sar mill-ekonomista Kurt Sant u ppubblikat fl-aħħar jiem, faħħar l-istrateġija li qed tintuża għal din il-linja nazzjonali tal-ajru.
Intqal kif il-linja nazzjonali tal-ajru l-ġdida se żżomm il-konnettività mal-akbar ajruporti fil-kontinent Ewropew u anke se tkun b’saħħitha għall-connecting flights għal kontinenti oħrajn.
L-ekonomista Kurt Sant innota l-istrateġija politika l-ġdida li qed tħalli riżultati tajbin ħafna, avolja rriduċiet id-destinazzjonijiet li se jkollha din il-linja nazzjonali tal-ajru. Fil-fatt, fil-perjodu fejn l-inqas jiġu turisti matul is-sena, f’Novembru u Diċembru tas-sena l-oħra għaddew rekord ta’ passiġġieri fl-Ajruport – aktar minn nofs miljun persuna.
Dan flimkien mat-tattika li jinżammu l-aktar destinazzjonijiet importanti li jimlew iżjed il-postijiet abbord l-ajruplani tal-linja KM Malta Airlines. Dan fl-istess ħin li l-mitjar Malti qed ikompli jilqa’ għall-iżviluppi b’investiment multi-miljunarju biex isaħħaħ u jtejjeb l-ewwel post li fih jaslu t-turisti.