Il-Mużew tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta qed jospita wirja ta’ xogħlijiet ta’ muniti u skultura mill-artist kontemporanju Noel Galea Bason, bħala parti minn sensiela ta’ esebizzjonijiet mill-Bank of Valletta, fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mit-twaqqif tal-bank stess.
ONE News tkellem mal-iskultur Galea Bason, bil-wirja mill-isbaħ tiegħu fl-isfond, li rrakkontalna minn fejn beda l-interess tiegħu fl-iskultura tal-muniti.
Qal, “L-istorja bdiet fl-1975 meta kont irbaħt scholarship biex immur nistudja f’Ruma biex nipproduċu diżinji għall-muniti, għax hawn Malta fl-1973 kienet fetħet zekka, qisu kienet joint venture bejn il-Gvern ta’ Malta u l-Ordni ta’ San Ġwann, u ridna lil xi ħadd, riedu lil xi ħadd, biex jibda jiddisinja u jipproduċi d-disinji tal-muniti”.
L-artist, magħruf għal diversi xogħlijiet ta’ prestiġju, spjega wkoll il-proċess fl-iddisinjar tal-muniti.
Stqarr, “Meta tibda bid-disinn, l-ewwel nett trid tagħmel disinji li jkunu tajbin biex isiru muniti, jiġifieri trid tieħu ħsieb ħafna affarijiet żgħar li trid iżommhom f’moħħok bħad-distribuzzjoni tal-metalli, x’se tikteb fuqhom, eċċ., eċċ. Dik, imbagħad, id-disinn jiġi approvat mill-Bord tas-Central Bank u d-disinn li jiġi magħżul, imbagħad, nibda naħdmu, nimmudellah, imbagħad noħorġu mudell tal-ġibs. Minn fuq il-mudell tal-ġibs, imbagħad, tieħu over iz-zekka li jiġi mċekken u jsiru dies biex jinħadmu l-muniti.”
Il-wirja retrospettiva ta’ Galea Bason qed tkun akkumpanjata minn katalogu illustrat b’riproduzzjonijiet bil-kulur tal-esebiti kollha għall-wiri. Fi kliemu, min se jżurha se jsegwi storja twila.
Qal, “Ħa jara 47 sena ta’ xogħol, barra l-muniti u l-midalji li huma prattikament għalxiex studjajt jiena, hemm l-istess teknika, però meħuda bħala espressjoni artistika pura li minflok għandek kwadru bil-kulur fuq it-tila, għandek il-basso rilievo.”
L-esebizzjoni qed tkun miftuħa kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd, ħlief nhar ta’ Tlieta, bejn id-9:00 ta’ filgħodu u l-5:00 ta’ waranofsinhar u se tibqa’ miftuħa sal-Ħadd 25 ta’ Frar li ġej.