Is-6 ta’ Frar jimmarka l-Jum Dinji għall-Internet aktar Sigur. Bħas-snin ta’ qabel, it-tema għal din il-ġurnata importanti huwa Flimkien għall-Internet aktar Sigur. Hija għajta għall-partijiet ikkonċernati, sabiex jingħaqdu u jieħdu azzjoni sabiex ikun hemm internet aħjar għal kulħadd partikolarment għat-tfal u ż-żgħażagħ. Irridu nkomplu naħdmu sabiex nassiguraw li t-tfal
jużaw l-internet b’mod aktar responsabbli, b’rispett, b’mod kritiku u krejattiv.
It-tfal iqattgħu ħafna mill-ħin tagħhom onlajn, jużaw l-internet għall-iskola, għall-iżvog, sabiex jiġbru informazzjoni u biex jżommu kuntatt mal-familja u l-ħbieb. Anke jekk l-internet joffri ħafna benefiċċji, it-tfal huma esposti għal numru ta’ riskji onlajn li jinkludu; użu eċċessiv; esposizzjoni għall-materjal li jista’ jkun ta’ ħsara; esplojtazzjoni sesswali u abbuż; cyberbullying; u użu ħażin tal-informazzjoni personali tagħhom. Irridu nassiguraw li t-tfal ikollhom esperjenza onlajn li hija pożittiva u li jkollhom il-ħiliet neċessarji sabiex ikunu jistgħu jikkumbattu dawn ir-riskji.
L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal huwa kommess li jikkreja internet aħjar għat-tfal u għalhekk jifforma parti mill-kampanja BeSmartOnline! flimkien mal-FSWS (Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali), id-Direttorat tal-Programmi tat-Tagħlim u Assesjar fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni u t-taqsima tas-Cyber Crime fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tipproteġi lit-tfal onlajn permezz ta’ kampanji edukattivi, għajnuna u support.
Sabiex jiġi kkomemorat dan il-jum importanti qegħdin jittieħdu numru ta’ inizjattivi. Numru ta’ skejjel ikkommettew ruħhom li jorganizzaw għadd ta’ attivitajiet bl-għajnuna tat-tim ta’ BeSmartOnline!. Skejjel u organizzazjonijiet oħra għandhom aċċess għal toolkit li tikkonsisti fi pjanijiet għall-lezzjonijiet u riżorsi oħra, żviluppati mit-tim ta’ BeSmartOnline! Din is-sena
ġie kkrejat vidjow li, flimkien ma’ riżorsi oħra, ġew mxerrda fl-iskejjel kollha. Dan il-vidjow jitratta t-tema tal-footprint diġitali u t-traċċa li jħallu warajhom it-tfal onlajn. Din it-tema ġiet enfasizzata mill-Youth Panel ikkoordinat mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal. Il-vidjow ġie kkrejat mill-membri stess tal-Youth Panel.
Bħala parti mill-isforz sabiex titqajjem kuxjenza dwar l-użu sigur tal-internet, it-tim ta’ BeSmartOnline! ħa jħejji stand ta’ informazzjoni ġewwa l-Belt Valletta (ħdejn il-Parlament) nhar it-13 ta’ Frar bejn id-9:00am u s-13:00pm. Ser jiġu organizzati anke attivitajiet għattfal. Il-ġenituri/dawk li jieħdu ħsieb it-tfal u t-tfal stess huma nkoraġġuti biex iżuru l-istand sabiex jirċievu informazzjoni dwar l-użu għaqli tat-teknoloġija.
Għal aktar informazzjoni u gwida rigward is-sigurta’ onlajn għat-tfal tistgħu żżuru www.besmartonline.org.mt jew ċemplu s-support line 179. Abbuż li jseħħ onlajn għandu jiġi rrapurtat permezz tal-website www.childwebalert.gov.mt.