L-Ukrajna hi ta’ prijorità għall-Presidenza Maltija tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE, l-akbar organizzazzjoni tax-xorti tagħha fid-dinja, li mill-bidu ta’ din is-sena bdiet titmexxa minn pajjiżna.
Dan intqal mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u ċ-Chairperson-In-Office tal-OSCE, Ian Borg, f’kumment ma’ ONE News ftit jiem wara li żar l-Ukrajna, fl-ewwel żjara uffiċjali tiegħu kemm ilu li ngħata l-kariga prestiġjuża.
Qal, “Għandna ċirkostanza partikolari, fejn żewġ membri, żewġ parteċipanti tal-OSCE qegħdin fi gwerra. Ovvjament għandek l-aggressur, li hi r-Russja, u għandek il-vittma, li hi l-Ukrajna. Għaldaqstant kienet importanti li nibgħatu messaġġ ċar li din se tibqa’ ta’ prijorità.”
Il-Ministru Borg tkellem dwar tema komuni li ġiet diskussa, fost oħrajn, mal-President Ukren Volodymr Zelensky.
Stqarr, “Tkellimt mal-President Zelensky, mal-Ministru Kuleba u uffiċjali oħrajn, anke fuq x’għajnuna għandhom bżonn. Urew ix-xewqa li naħdmu fuq it-tfal li ġew maħtufa u anke t-traffikar tan-nies, li hi xi ħaġa sfortunatament komuni waqt gwerra u konflitti.”
F’din iż-żjara fl-Ukrajna, il-Ministru Borg żar tliet postijiet fl-Ukrajna li ntlaqtu sew mill-Gwerra fl-Ukrajna.
Tenna, “Skola ta’ tfal minn 6 sa 17-il sena, blokok ta’ appartamenti, fejn in-nies kellhom jaħarbu u jitilqu minn djarhom u sal-lum għadhom ifittxu l-kenn. U mbagħad mort ukoll f’Bucha fejn kellek anke ċirkostanzi ta’ aktar minn 500 persuna li nqatlu u anke ndifnu b’mod kollettiv u allura hemmhekk kienet mhux biss xokkanti, imma tħoss li qiegħed f’post fejn għadda minn ħafna sofferenzi.”