Minn din il-ġimgħa, il-konsumaturi f’pajjiżna bdew igawdu minn prezzijiet orħos u stabbli fuq mijiet ta’ prodotti essenzjali tal-ikel, riżultat ta’ ftehim li ntlaħaq bejn il-Gvern, l-importaturi ewlenin u mijiet ta’ ħwienet kbar u żgħar.
Iżda filwaqt li l-prezzijiet ta’ aktar minn erba’ mija u ħamsin prodott roħsu bi ħmistax fil-mija fuq il-prezz li kienu qed jinbiegħu bih f’Ottubru li għadda, fil-verità jirriżulta li l-konsumatur qed igawdi minn prezzijiet ferm orħos minn dak irrakkomandat u maqbul bejn il-partijiet.
Il-gazzetta KullĦadd analizzat numru ta’ prodotti fil-lista mħabbra mill-Gvern u l-prezzijiet li ġew stabbiliti skont il-patt soċjali, mal-prezz li fil-verità qed jinbiegħu bih dawn l-istess prodotti.
Permezz ta’ applikazzjoni lokali diġitali, bl-isem ta’ Cheap Trolley, li tiġbor fiha l-ħwienet ewlenin lokali u anke tagħti l-fakultà li wieħed iqabbel il-prezzijiet tal-prodotti fl-iskema Stabbiltà u kif qed jinbiegħu fil-verità, wieħed isib varjazzjoni wiesgħa fil-prezzijiet wara li minn nofs din il-ġimgħa daħal fis-seħħ il-ftehim.
Il-prezzijiet tal-prodotti fl-iskema jvarjaw minħabba d-ditti differenti li huma disponibbli, iżda meta l-prezz tal-prodott individwali jitqabbel ma’ kemm traħħas fuq is-sit uffiċjali tal-iskema ma’ dawk fuq Cheap Trolley, il-varjazzjoni fil-prezz hi vasta u tinżel sew taħt il-prezz stabbilit għall-maġġoranza tal-prodotti.
F’eżerċizzju li għamlet il-KullĦadd, ġew imqabbla l-prezzijiet skont l-iskema ‘Stabbiltà’ ma’ kif qed jinbiegħu fil-ħwienet, ta’ wħud mill-prodotti essenzjali fl-iskema – bħall-corned beef, tonn taż-żejt, corn flakes, ħalib long life u kafè.
Ir-riżultat kien li l-maġġoranza assoluta tagħhom huma ferm orħos minn dak iffissat fil-ftehim li rnexxielu jilħaq il-Gvern.
L-analiżi tikkonkludi li l-inizjattiva tal-Gvern ġabet kompetizzjoni ħarxa, iżda pożittiva għall-konsumatur biex qed jiffranka ferm iżjed milli kien maħsub.