Il-kantanta Għawdxija Sarah Bonnici ta’ 25 sena rebħet il-Malta Eurovision Song Contest fil-finali tas-Sibt filgħaxija bil-kanzunetta Loop.
Wara prestazzjoni mill-isbaħ, Bonnici ntagħżlet biex tirrappreżenta lil Malta fuq il-palk grandjuż tal-ikbar festa ta’ mużika fl-Ewropa, il-Eurovision Song Contest, li se jsir f’Mejju li ġej f’Malmo fl-Iżvezja.
Hija ġabet l-ikbar ammont ta’ voti mill-ġurija, b’102 punti, filwaqt li ġiet it-tieni bil-voti tal-pubbliku.
Kien il-kantant Matt Blaxck bil-kanzunetta Banana, li ġie fit-tieni post bi 80 punt, li kiseb l-akbar ammont ta’ voti mill-pubbliku.
Fit-tielet post ġie l-kantant Ryan Hili b’71 punt, bil-kanzunetta Karma.
Fil-Malta Eurovision Song Contest ta’ din is-sena, kien hemm 12-il finalist, b’serata li saret mingħajr spetatturi. Huma ngħataw l-opportunità wkoll li jagħmlu vidjo mużikali għall-kanzunetta tagħhom.
Premji oħra li ngħataw fil-finali tas-Sibt filgħaxija, kienu għall-aqwa vidjo mużikali li ħaditu l-kantanta Gretatude, u Best Newcomer li ħaditu l-kantanta Lisa Gauci.