Fi stqarrija llejla, il-Partit Laburista qal li l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista dwar ir-riforma fil-Qrati tad-droga hi għal darba oħra stqarrija mibnija fuq il-partiġġjaniżmu li ma tikkontribwixxi xejn lejn id-diskussjoni matura u informata li għaddejja fil-pajjiż.
Intqal li din hi diskussjoni li qed tara s-sehem ta’ dawk kollha li jaħdmu fis-settur u li qed jaqblu li għandu jkun hemm din ir-riforma u jagħtu l-fehmiet tagħhom kif tista’ tkun l-iktar effettiva.
Il-Partit Laburista nnota li b’kuntrast il-Partit Nazzjonalista filli jgħid li l-white paper għandha tkun irtirata u filli jgħid li se jikkontribwixxi fiha. Biex ftit wara joħroġ stqarrijiet ibbażati fuq dikjarazzjonijiet li mhumiex minnhom.
Intqal li minkejja li diversi professjonisti, għaqdiet u midja wissew lil Bernard Grech li l-kelliema tiegħu qed jgħidu ereżijiet legali, il-Partit Nazzjonalista qed jibqa’ għaddej bil-kampanja ta’ miżinformazzjoni. Hekk jiġrilu min hu populist.
Jinqabad fl-inkonsistenza u ma jafx minn fejn se jaqbad jibda l-argument.
Quddiem dan kollu, Gvern Laburista flimkien mal-partijiet ikkonċernati u n-nies ta’ rieda tajba li pparteċipaw f’din il-konsultazzjoni pubblika, se jkun qiegħed isaħħaħ dak propost.
Il-Partit Laburista temm jgħid li għal darba oħra riformi bħal dawn jibqgħu xprunati minn Gvern Laburista u jitwettqu rrispettivament mill-konfużjoni tal-Partit Nazzjonalista.