Id-Deputat Nazzjonalista Graham Bencini għamilha ċara li mhux hu ddeskriva lil eks Ministru Nazzjonalista Tonio Fenech, bħala “a breath of fresh air.” Dan waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista fejn ONE News proprju talab lid-Deputat Nazzjonalista għal reazzjoni dwar dan.
Dan wara li hu, flimkien ma’ deputati oħrajn, fosthom iċ-Chairman tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi, Darren Carabott, esprimew is-sodisfazzjon għall-fatt li quddiemhom kellhom lill-eks Ministru Nazzjonalista Tonio Fenech.
Graham Bencini – “Aħna qed nieħdu, aħna qed nieħdu gost, anzi.”
Darren Carabott – “A breath of fresh air.”
Mistoqsi proprju dwar dawn id-dikjarazzjonijiet, Bencini, skomdu għall-aħħar, għamilha ċara li mhux hu kien li ddeskriva lil Tonio Fenech bħala “a breath of fresh air.”
Dan minkejja li jinstema’ jgħid li jieħdu gost li quddiemhom hemm Tonio Fenech.
“Mhux jien għedt li hu a breath of fresh air. Jekk tara t-transcript u tara r-recording, tara li mhux jien għedtha. Mhux jien għedtha, mhux jien għedtha fil-PAC, ara r-recording.”
Graham Bencini – Deputat tal-PN
Ftit tal-ġimgħat ilu, l-eks Ministru Nazzjonalista responsabbli mill-Finanzi, meta tela’ jixhed quddiem dan il-kumitat, sostna li hu kburi bil-mod kif iddeċieda l-Gvern ta’ GonziPN meta tefa’ l-piżijiet tal-enerġija fuq il-poplu.
“Iva, sfortunatament, il-poplu kellu jgħid ‘aħħ’, għax żdiedu l-kontijiet. Jien ma jiddispjaċinix u kburi bil-mod kif iddeċidejna li nallokaw ir-riżorsi tagħna. Ir-reviżjoni tal-kontijiet ħadha l-Kabinett kollu. With hindsight, ma kienx hemm option oħra.”
L-eks Ministru tal-PN Tonio Fenech
Dan anke jekk issa, fl-aħħar seduta tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi li saret it-Tlieta, l-istess Fenech esklama b’arroganza li, għalih illum, il-pjan tal-enerġija tal-Gvern Laburista, li mill-2014 ’il quddiem raħħas il-kontijiet għall-familji u n-negozji, hu l-“Pantomima ta’ Alice in Wonderland”.