L-Ispeaker tal-Parlament, Dr Anġlu Farrugia, żar l-esebizzjoni storika ‘Kapitlu Ġdid’ fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista dwar il-bidu u s-snin bikrin fl-istorja tal-Partit Laburista lura għall-1920. Il-wirja hi bbażata fuq fatti storiċi ġodda li għadhom kemm instabu minn riċerkaturi.
Kuntratt storiku oriġinali, li kien għadu mhux magħruf sal-lum, instab mill-Fondazzjoni għall-Arkivji Notarili u xeħet dawl ġdid dwar l-oriġini tal-Partit Laburista, inkluż l-isem oriġinali tiegħu, ‘Partito Laburista’ u mhux ‘Camera del Lavoro’ kif ġie rrakkontat f’dan iż-żmien kollu.
L-istess kuntratt żvela wkoll kif waħda mill-fundaturi tal-Partit Laburista kienet mara – Carmela Bencini, xebba Micallef Grimaud – li kienet issellfet il-flus biex tgħin fit-twaqqif tal-Moviment tal-Ħaddiema, fi żminijiet meta l-mara lanqas biss kellha dritt għall-vot.
Akkumpanjat mid-Deputat Mexxej Laburista għall-Affarijiet tal-Partit, Daniel Micallef, il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard, il-Kap Eżekuttiv Randolph De Battista u l-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista, Naomi Cachia, l-Ispeaker Farrugia dar il-wirja mill-isbaħ, li se tibqa’ sal-11 ta’ Frar.
F’kumment lil ONE, l-Ispeaker tal-Kamra faħħar il-ħidma tal-Fondazzjoni għall-Arkivji Notarili, filwaqt li enfasizza s-sinifikat kbir tal-istorja politika lokali u dwar kemm hu importanti li din tkun aktar magħrufa.
“L-istorja hi importanti u hemmhekk tara wkoll ir-rwol tal-mara, anke fil-bidu tal-istess Partit Laburista, ħafna snin qabel il-vot li ngħata ukoll mill-Partit Laburista lill-mara, li kellha din l-inizjattiva nobbli li ovvjament hi l-istorja importanti.”