Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, organizza laqgħa mal-partijiet konċernati prinċipali. Bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma lejn ġustizzja aktar effettiva mal-vittmi tad-droga.
Waqt din il-laqgħa, il-Ministru Attard iċċara li, fiċ-ċentru ta’ din ir-riforma, hemm dawk li huma verament vittmi tad-droga u li l-Gvern se jibqa’ jaħdem kontra t-traffikar tad-droga. Għamel dan, filwaqt li rringrazzja lill-entitajiet rispettivi li laqgħu l-istedina biex tkompli din il-konsultazzjoni.
Il-Ministru stqarr li l-laqgħat li kellu mal-istess partijiet ikkonċernati fis-settur, servew bħala diskussjoni ta’ ċerti punti u proposti li jistgħu jkomplu jsaħħu din ir-riforma daqstant importanti li tista’ tagħti opportunità lil dawk li verament juru li jridu jagħmlu bidla pożittiva f’ħajjithom għat-tajjeb.
“Il-konsultazzjoni pubblika marbuta mar-riforma għal ġustizzja aktar effettiva mal-vittmi tad-droga ssoktat b’laqgħa mill-aktar interessanti mal-istakeholders kollha fis-settur fejn kulħadd ingħata l-opportunità li jesprimi l-pożizzjoni tiegħu dwar dawn il-proposti li ressaq il-quddiem il-Ministeru għall-Konsultazzjoni Pubblika. Proposti li sabu appoġġ fil-ġeneralità tagħhom ukoll diskussjoni dwar kif nistgħu nkomplu nsaħħu biex nilħqu l-għan u l-iskop ta’ din ir-riforma.”
Hu nnota li, b’mod ġenerali, il-proposti ntlaqgħu tajjeb, filwaqt li aspetti, bħar-reviżjoni tal-ammonti fl-iskeda indikattiva ta’ min jikkwalifika għal Qorti tad-Droga, ħolqu diskussjoni importanti.
Sadanittant, iċ-Chairperson tal-Bord Konsultattiv għall-Politika dwar l-Għoti tas-Sentenzi, Dr Alex Scerri Herrera, spjega li hu importanti li l-liġi tiġi riveduta u emendata biex dejjem tkun konformi mal-morali soċjali u l-polz tan-nies.
Il-liġi tantiċipa numru ta’ kriterji u kundizzjonijiet biex il-Qorti tagħraf jekk tistax u għandhiex tikkonverti ruħha f’Qorti dwar id-droga jew le. L-għan aħħari wara din l-emenda hu biex jiġu analizzati iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ u jkun hemm aktar aspett uman fl-applikabbiltà ta’ din il-liġi.
Rigward il-proċess tal-konsultazzjoni, il-partijiet esprimew sodisfazzjon għall-mod ta’ kif żviluppat id-diskussjoni, b’mod speċjali għall-mod ta’ kif bejniethom stess iltaqgħu u għandhom stediniet biex ikomplu jikkonsultaw bejniethom fuq tali suġġetti.
Għall-istess laqgħa attendew diversi rappreżentanti, fosthom mill-aġenzija nazzjonali Sedqa, mill-Caritas u mill-Fondazzjoni OASI.