Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, u s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, ħabbru li, għal sena oħra, il-Gvern se jerġa’ jinvesti fi skema ta’ għajnuna fuq spejjeż addizzjonali relatati max-xiri tal-fjuwil għall-bastimenti tas-sajd.
Il-Ministru u s-Segretarju Parlamentari spjegaw kif, għal din is-sena, il-Gvern qed jerġa’ jinvesti €1 miljun biex kull sajjied Malti u Għawdxi full-time rreġistrat mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura, jibbenefika minn ammont massimu ta’ €100,000.
Din ċ-ċifra hi 30% iżjed fuq l-ammont massimu li ngħata s-sena l-oħra.
Il-Ministru Refalo nnota kif, minkejja l-impatt negattiv li x-xena internazzjonali ġabet fuq pajjiżna, fosthom fis-settur tas-sajd, il-Gvern ra li l-piż ma jintrefax mis-sajjieda Maltin u Għawdxin u għalhekk għal sena oħra qed jerġa’ jestendi din l-inizjattiva.
“Filwaqt li, fis-sentejn li għaddew, 286 sajjied full time, li għandhom il-bastimenti tagħhom irreġistrati, diġà ħadu din l-għajnuna, nistieden lil kull min ma ħadhiex biex imur jirreġistra fid-dipartimenti tagħna.”
Il-Ministru Anton Refalo
Min-naħa tagħha, Bugeja Said tenniet kif dan l-investiment hu xhieda tal-appoġġ kontinwu li l-Gvern qed jipprovdi lis-sajjieda, għax jemmen fil-potenzjal ta’ dan is-settur u fl-importanza tas-sajd.
“Hi realtà li, kieku l-Gvern ma jagħtix din it-tip ta’ għajnuna lis-sajjieda, kieku l-prezz tal-ħut hu ferm ogħla minn dak li jixtrih il-konsumatur. Għaldaqstant, permezz tal-għajnuna li kull sajjied jista’ jibbenefika sa massimu ta’ €100,000, se naraw li l-prezz tal-ħut jibqa’ wieħed stabbli u b’hekk ikun aċċessibbli għall-konsumatur Malti u Għawdxi kollu.”
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said
Il-perjodu ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna lis-sajjieda se jkun miftuħ bejn il-5 u d-9 ta’ Frar 2024. L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu bil-posta u fl-indirizz tad-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura, kif ukoll fl-uffiċċini tal-ħatt tal-ħut f’Malta u Għawdex jew fl-Għammieri, fil-Marsa. L-applikanti li jixtiequ jniżżlu kopja tal-formola, jistgħu jagħmlu dan billi jikkuntattjaw lit-taqsima tal-proġetti fi ħdan id-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura.