Fil-Kulleġġ tal-MCAST saret waħda mill-aħħar laqgħat minn sensiela b’konsultazzjoni pubblika mal-partijiet ikkonċernati dwar l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni sal-2030. Għal din il-laqgħa kien preżenti wkoll il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima.
F’diskors li għamel fil-bidu ta’ din il-laqgħa, il-Ministru Grima qal li din l-istrateġija mhux issir f’uffiċċju, iżda saru ’l fuq minn 200 laqgħa ta’ konsultazzjoni ma’ bosta partijiet ikkonċernati.
Il-Ministru saħaq li d-dokument ipoġġi fiċ-ċentru lin-nies, lill-istudenti, l-edukaturi u l-ġenituri.
“Tħares lejn dak li hu żvilupp sħiħ tal-istudenti tagħna u fuq kollox anke l-benesseri tal-edukaturi, li għandhom rwol importanti fis-sistema edukattiva u allura anke kif qed naraw proprju llum, isiru partners importanti ħafna f’dak li hu l-proċess tat-tfassil ta’ dan id-dokument u din l-istrateġija, li rridu narawha li tkun waħda ħajja, waħda reali li tiġi proprju ttrasformata, minn dokument għar-realtà li tkun ta’ benefiċċju għall-poplu Malti u Għawdxi.”
Il-Ministru Clifton Grima
Is-Segretarju Permanenti Matthew Vella qal li l-Ministeru għall-Edukazzjoni jemmen fid-djalogu u dan qed jintwera b’mod ċar f’din il-konsultazzjoni. Spjega li l-bidliet meħtieġa jridu jsiru b’taħriġ u l-għajnuna kollha li hemm bżonn, biex dan is-settur ikompli jissaħħaħ.
F’din il-laqgħa ħadu sehem bosta edukaturi u anke studenti.
B’Vella jgħid li l-konsultazzjoni għandha ssir mar-rappreżentanti tal-istudenti, hekk kif il-ħsibijiet tal-istudenti huma importanti.
Dawn il-laqgħat ta’ konsultazzjoni se jwasslu biex f’April li ġej jiġi ppreżentat dan id-dokument li se jsaħħaħ is-settur edukattiv f’pajjiżna.