Tħabbar investiment ta’ €15-il miljun fi skemi għal xiri ta’ vetturi elettriċi ġodda bil-għan li jinkoraġġixxu x-xiri minn individwi, għaqdiet volontarji, u intrapriżi ta’ vetturi elettriċi u muturi, inkluż roti.
Dawn l-inċentivi se jiffaċilitaw it-tranżizzjoni ta’ Malta u Għawdex għal trasport aktar nadif u sostenibbli bħala parti minn pjan strateġiku ikbar li se jwassal għan-newtralità mill-karbonju f’pajjiżna.
L-inizjattivi mħabbrin għal din is-sena jinkludu inċentivi għax-xiri ta’ vetturi elettriċi, fejn għal kull rota elettrika ġdida se jingħata inċentiv ta’ €500, għal kull mutur elettriku ġdid, triċiklu jew kwadriċiklu se jingħata inċentiv ta’ bejn €2,000 u €6,000, u għal kull karozza jew vann elettrtiku se jerġa’ jingħata l-inċentiv massiċċ ta’ €11,000.
Għall-iskema ta’ skappjar, l-inċentiv se jkun dak ta’ €500 għal kull mutur, €1,000 għal kull karozza, €30,000 għal kull minivan u €50,000 għal kowċis li ilhom aktar minn għaxar snin.
Għall-iskrappjar ta’ vetturi qodma rreġistrati f’Għawdex se jingħata inċentiv addizzjonali ta’ €1,000.
Vetturi elettriċi u plug-in hybrids b’awtonomija elettrika ta’ 50km jew aktar se jibqgħu jiġu eżentati mit-taxxa ta’ reġistrazzjoni u mil-liċenzja tat-triq annwali għall-ewwel ħames snin mid-data ta’ reġistrazzjoni.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, spjega kif, fuq perjodu ta’ sentejn, ġew irreġistrati madwar 4,000 vettura elettrika ġdida, biex bħalissa fit-toroq Maltin hawn madwar 15,000 vettura elettrika jew hybrid.
Il-Ministru saħaq ukoll kemm hu importanti li nilħqu l-miri ambjentali li għandna quddiemna.
“Dan ix-xahar ħadna deċiżjonijiet importanti. Ħadna deċiżjonijiet biex nibdew inħaffu dak il-proċess. U naħseb li sa April li ġej se nkunu ġejna in-line ma’ dak li huma r-requests li għandna grants mingħand in-nies. L-aċċess irid ikun faċli għal kulħadd però aħna rridu nkunu tajbin ukoll min-naħa tagħna u diġà qegħdin naraw ir-riżultati mexjin. Diġà qegħdin naraw il-pagamenti ħerġin b’mod aktar veloċi. Ovvjament, il-miri tagħna ambjentali nilħquhom, però lin-nies irridu nagħtuhom dak l-inċentiv fil-verità li jirċievu l-flus meta aħna ngħidulhom li ħa jirċevuhom … u qed naħdmu ħafna f’dak is-sens.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, Jonathan Borg, qal li dan l-investiment minn fondi Ewropej se joffri inċentivi li se jassiguraw ambjent aħjar u sostenibbli f’pajjiżna.
Transport Malta qegħda taħdem biex il-proċess ħalli l-pubbliku jgawdi minn dawn l-inċentivi jkun wieħed effiċjenti, fosthom billi l-applikazzjonijiet jkunu aċċessibbli onlajn.