Tliet Ungeriżi jinżammu arrestati wara li nqabdu bid-droga waqt spezzjonijiet tat-traffiku
Tlett irġiel ġew akkużati b’pussess aggravat ta’ diversi sustanzi li nstabu fil-karozza li kienu fiha, li ġiet imwaqqfa waqt spezzjoni tal-Pulizija fil-bidu tal-ġimgħa f’Raħal Ġdid.
L-akkużati – Ungeriżi ta’ sebgħa u tletin sena, tmienja u tletin sena, u ħamsa u tletin sena, ġew akkużati li kienu fil-pussess tad-droga kokaina, ħaxixa u reżina tal-kannabis, magic mushrooms u ecstasy.
Fil-karozza nstabu erba’ grammi kokaina, wieħed u disgħin gramma ħaxixa, disgħin gramma reżina tal-kannabis, tnax-il gramma ta’ magic mushrooms, ħdax-il pillola ecstasy, u tnax-il pillola tal-viagra.
Wieħed mill-akkużati kellu fuqu elfejn ewro fi flus kontanti.
It-tliet imputati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
It-talba għall-ħelsien mill-arrest ġiet miċħuda mill-Qorti.