Il-Partit Laburista nnota li d-Deputat Nazzjonalista u Kelliem Ewlieni għall-Ekonomija, Jerome Caruana Cilia, ikkonferma li mhux biss ma jafx jikteb rapporti ekonomiċi, imma lanqas hu kapaċi jifhem dak li jikteb ħaddieħor.
Il-Partit Laburista rreaġixxa għal stqarrija tal-Partit Nazzjonalista dwar ir-rapport tal-IMF.
Intqal li, fl-istqarrija tiegħu, Caruana Cilia kiteb eżatt bil-kontra ta’ dak li ntqal fir-rapport ta’ din l-istituzzjoni indipendenti internazzjonali.
Il-Partit Laburista nnota li f’attentat li jnaqqas mill-valur taċ-ċertifikat eċċellenti li ngħata lil pajjiżna mill-IMF, il-kelliem tal-Oppożizzjoni kkonferma l-politika negattiva tal-Partit Nazzjonalista li ħsiebha biss biex toskura lil pajjiżna. Il-Partit Laburista nnota, fost l-oħrajn, bil-kantaliena Nazzjonalista li pajjiżna għandu tkabbir ekonomiku bbażat biss fuq it-tkabbir tal-popolazzjoni u l-iskjavitu modern.
Ġie nnotat li dak li ntqal minn Jerome Caruana Cilia hu għal kollox kontra dak li jingħad fir-rapport tal-IMF. Dan hekk kif l-IMF tinnota li, ras għal ras, jiġifieri meta taġġusta għall-effetti ta’ bidla fil-popolazzjoni, il-ġid nazzjonali ta’ pajjiżna se jikber aktar mill-medja taż-Żona Ewro.
Ta’ min ifakkar li ż-Żona Ewro hi l-aktar żona ekonomika sinjura fid-dinja, altru milli żona ta’ skjavitù modern. Madankollu pajjiżna se jkollu ġid, ras għal ras, li jikber aktar minn din iż-żona.
Il-Partit Laburista tenna li, altru milli cheap labour, ir-rapport tal-IMF jgħid li l-produttività tal-ħaddiema f’pajjiżna kibret b’rata ferm akbar minn dik ta’ pajjiżi bħalna.
Fl-istqarrija tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni jigdeb ukoll meta jgħid li l-IMF kitbet li żdiedu n-nies f’riskju ta’ faqar f’pajjiżna.
Il-Partit Laburista qal li gidba oħra tal-Partit Nazzjonalista hi li saret xi kritika lejn il-Gvern fejn tidħol il-ġlieda kontra l-korruzzjoni jew ħasil tal-flus. Bil-kontra, ir-rapport tal-IMF jgħid li, fl-aħħar sentejn, l-awtoritajiet Maltin għamlu riformi fis-sistema ġudizzjarja u t-tisħiħ tal-indipendenza fil-ġustizzja u anke ġiet adottata l-Istrateġija kontra l-Frodi u l-Korruzzjoni.
Il-Partit Laburista tenna li dawn hu riformi li l-ebda amministrazzjoni preċedenti ma kienet kapaċi tagħmel.
F’din l-istqarrija ntqal li t-track record tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni fejn tidħol kitba ta’ rapporti ekonomiċi ħżiena u mimlija żbalji ilha magħrufa, tant li tneħħa mir-rwol tiegħu bħala Kelliem għall-Finanzi. Issa qed jirriżulta wkoll li l-istess kelliem lanqas mhu kapaċi jaqra u jifhem rapporti ekonomiċi.
Il-Partit Laburista temm jgħid li dan hu l-aqwa konferma ta’ kemm il-poplu ma jistax jafda lill-Partit Nazzjonalista bit-tmexxija ekonomika u finanzjarja ta’ pajjiżna.