“Dak li kont ngħidlu Alice in Wonderland, illum ngħidlu l-Pantomima ta’ Alice in Wonderland”. Din kienet waħda mid-dikrazzjonijiet li għamel l-eks Ministru Nazzjonalista Tonio Fenech waqt li t-Tlieta kompliet ix-xhieda tiegħu quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament, li qed jiddiskuti l-proġett tal-Electrogas.
Fenech, li taħt l-amministrazzjoni ta’ GonziPN kien inkarigat mill-finanzi u l-Enemalta, fost l-oħrajn, kien pront jagħmel din id-dikjarazzjoni appena ġie mitlub jgħid il-fehma tiegħu dwar il-proposta li kien ressaq il-Partit Laburista fl-elfejn u tlettax tar-roħs fil-kontijiet ta’ dawl u l-ilma.
Il-pjan tal-Gvern Laburista, li inkluda l-bini tal-power station li taħdem bil-gass, raħħas il-kontijiet b’ħamsa u għoxrin fil-mija mill-bidu tal-2014 għall-familji u sena wara għan-negozji. Dan fisser li tmenin miljun ewro kull sena kienu se jibqgħu fil-bwiet tal-familji u tan-negozji.
Iżda lill-eks Ministru, li kien jiġi kkritikat ripetutament li kien ifalli kull mira finanzjarja li kien jagħmel fi żmienu, dan ma jimpressjonah xejn.
“Dak iż-żmien kont sejjaħtlu ‘Alice in Wonderland’, illum ngħidlu l-‘Pantomima ta’ Alice in Wonderland’.”
Tonio Fenech – eks Ministru Nazzjonalista
Tul is-sessjoni fil-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, Fenech ġie mistoqsi dwar id-deċiżjonijiet tal-Gvern Nazzjonalista qabel l-elfejn u tlettax b’rabta mal-kontijiet tad-dawl f’pajjiżna u s-sitwazzjoni finanzjarja mwegħra li kienet fiha l-Enemalta.
“Kien hemm ħtieġa li kontijiet tad-dawl jiġu aġġustati.”
Tonio Fenech – eks Ministru Nazzjonalista
“Id-deċiżjonijiet li kellhom jittieħdu, ittieħdu.”
Tonio Fenech – eks Ministru Nazzjonalista
“Sagrifiċċju li kellu jsir.”
Tonio Fenech – eks Ministru Nazzjonalista
Fenech qal dan hekk kif sostna li pprefera li l-Gvern Nazzjonalista jipproteġi l-fabbriki f’pajjiżna, minkejja li fid-diversi laqgħat li kellu mal-imsieħba soċjali dejjem kienet tqum il-kwistjoni taż-żieda fil-kontijiet ta’ dawl u l-ilma.
Fil-verità dak iż-żmien, f’pass bla preċedent, l-imsieħba soċjali kollha kienu ngħaqdu fi protesta kontra d-deċiżjoni unilaterali tal-Gvern li jgħolli l-kontijiet li wasslu għal tbatijiet kbar mifruxin mal-pajjiż kollu.
Dak iż-żmien, f’Mejju tal-elfejn u għaxra, il-kontijiet kienu saru l-ħames l-ogħla fl-Unjoni Ewropea, waqt li kien irrapportat li wieħed u sittin fil-mija tal-familji Maltin u Għawdxin ma jifilħux iħallsu l-kont tad-dawl.
Dan fl-istess ħin li l-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien iddikjara fil-pubbliku li se jivvota “bil-qalb kollha” biex il-kontijiet jogħlew.
L-eks Ministru Fenech, iżda, ipprova jiċħad dan il-fatt magħruf minn kulħadd.
CLAYTON BARTOLO: “Ħa nara jekk hux qed nifhem tajjeb ta, Sur Fenech. Kontu ivvotajtu bil-qalb tal-enerġija.”
TONIO FENECH: “Dak inti qed tgħidu.”
Finalment, quddiem dawn id-dikjarazzjonijiet fix-xhieda tiegħu, Fenech, li fi żmienu pajjiżna kien iddaħħal fil-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv mill-Unjoni Ewropea, qal li hu kburi bis-servizz li ta lill-pajjiż.
GLENN BEDINGFIELD: “Minn dak li għedtilna tidher li inti kburi ferm b’dak li għamilt inti fl-Enemalta u fil-perjodu li għamilt responsabbli minn dan is-settur.”
TONIO FENECH: “Jien kburi tas-servizz li tajt lill-pajjiż”.