Il-Karnival Malti din is-sena se jiġi organizzat ukoll f’għadd ta’ lokalitajiet madwar pajjiżna, biex f’dawn il-jiem, l-irħula u l-ibliet jinbidlu f’atmosfera ta’ briju u kuluri, li taf iġġib magħha din it-tradizzjoni Maltija, li tmur lura għal żmien il-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann.
Fil-fatt it-Tlieta filgħodu tnieda l-programm tal-attivitajiet li se jsiru fil-Ħamrun, il-Marsa u l-Mosta, b’kollaborazzjoni bejn il-kunsilli lokali rispettivi u l-entità tal-Gvern, Festivals Malta.
Ma’ ONE News, is-Sindku tal-Ħamrun tana togħma ta’ x’wieħed jistenna sa minn nhar il-Ħadd li ġej fit-toroq ewlenin ta’ din il-lokalità.
“Il-Karnival tal-Ħamrun kull sena dejjem qed jikber, numru kbir ta’ nies qed jiġu għalih. Se jkun hemm sitt baned, li se jtellgħu parata, u wkoll numru ta’ żeffiena u numru ta’ maskaruni u karrijiet li se jieħdu sehem f’kompetizzjoni, apparti l-karrijiet lokali.”
Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-Marsa, Josef Azzopardi, qalilna li din is-sena l-Karnival fil-lokalità li jmexxi se jkun mill-aqwa.
“Il-Ħamis 8 ta’ Frar, il-Marsa tiċċelebra l-Karnival fit-toroq prinċipali, minn hemmek jgħaddi defilè b’diversi gruppi ta’ żfin, anke din is-sena permezz ta’ karrijiet li ngħatajna minn Festivals Malta biex jitgawdew mill-pubbliku f’dan iż-żmien.”
Fil-Mosta, iċ-ċelebrazzjoni tal-Karnival se tkun qed issir fil-pjazza, il-Ġimgħa 9 ta’ Frar mis-sitta u nofs ta’ filgħaxija ’l quddiem.
F’konferenza tal-aħbarijiet, fejn tħabbru d-dettalji, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, spjegaw kif hemm lokalitajiet oħrajn, li fihom se jittellgħu attivitajiet marbutin mal-Karnival u dan hu kollu parti minn programm vast biex it-tradizzjonijiet ikomplu jinxterdu fit-toroq u l-pjazez ta’ pajjiżna.
Preżenti kien hemm ukoll iċ-Ċermen ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius, u d-Direttur Artistiku tal-Karnival Malti, Jason Busuttil.