Fil-ġimgħat li ġejjin, Dar San Ġużepp f’Għajnsielem se tibda tilqa’ l-ewwel anzjani fiha. Dan ħabbru l-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri waqt żjara li għamel, hekk kif ix-xogħlijiet, inkluż il-finishings u furnishings, kważi tlestew kollha.
Fil-fatt, f’Marzu li ġej, din id-dar mibnija fuq aktar minn tliet tomniet se tilqa’ fiha l-ewwel 120 resident anzjan u anzjana.
“Ftit tal-jiem oħra se jiftħu l-applikazzjonijiet għall-Għawdxin kollha li jixtiequ jidħlu f’din id-dar, u aktar minn hekk ukoll se nkunu qed naraw li din id-dar tibda topera bl-aqwa livell u l-ogħla standards. Nemmen li hekk jixraq lill-Għawdxin u lir-residenti li se jagħmlu minn din id-dar, id-dar tagħhom.”
Dar San Ġużepp se tikkonsisti f’120 sodda fi kmamar kollha b’en suite mifruxin fuq erba’ livelli, b’veduti tal-kampanja u l-baħar. Id-dar se tkun waħda tal-ogħla standards u aċċessibbli u se tikkonsisti f’żoni mdaqqsa ta’ spazji soċjali kif ukoll spazji ħodor fuq barra.
Min-naħa tagħha, Natalie Briffa Farrugia, Chairperson ta’ Vassallo Group u minn Care Malta, li se tieħu ħsieb l-operat ta’ din id-dar, semmiet kif Dan San Ġużepp se tilqa’ fi ħdanha wkoll anzjani bid-dimensja.
“Aħna ħerqana biex inwasslu dan is-servizz u nagħmlu mill-aħjar li nistgħu biex dan ikun l-aħjar servizz li nagħtu fil-qasam tal-kura.”