B’investiment ta’ miljun ewro, tul dawn l-aħħar għaxar snin ġie msaħħaħ is-servizz tal-179, servizz li jagħmlu użu minnu eluf ta’ persuni li jiġu bżonn l-għajnuna.
Tħabbar dan waqt żjara fl-uffiċini tal-Fondazzjoni għall-Ħarsien tas-Servizzi Soċjali li għaliha kien hemm preżenti l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u l-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti.
Alfred Grixti qal kif dan l-investiment juri l-impenn li hemm biex ikompli jissaħħaħ dan is-servizz.
Hu pal li “l-investiment bażikament jirrappreżenta l-pagi. Meta tara n-numru ta’ nies li nħadmu, hawn inħaddmu tim ta’ prattikament 20 persuna li din hija waħda mill-iżviluppi li seħħew tul dawn l-aħħar għaxar snin fil-fondazzjoni. Qabel ma kienx hemm dan l-investiment, juri l-impenn u r-rieda li nkomplu ntejbu u nkatru s-servizzi tagħna.”
Il-Ministru Michael Falzon, qal kif dan is-servizz huwa pprovdut erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, fejn qal kif matul is-sena elfejn tlieta u għoxrin, il-linja tal-179 rat kważi tlettax-il elf telefonata li jvarjaw minn sejħiet differenti.
“Is-servizz tal-179 huwa servizz li toffri l-Fondazzjoni għal erbgħa u għoxrin siegħa kull ġurnata tas-sena. Huwa servizz li jkun hemm biex jgħin lil persuni li jċemplu fuq diversi materji iżda naħseb l-aktar ħaġa importanti hi li persuna f’dak il-mument li jiġi bżonn, ikollu lil xi ħadd fuq in-naħa l-oħra joffri id ta’ għajnuna,” tenna l-Ministru.
Fost l-ogħla sejħiet kien hemm dik ta’ persuni li jsibu ruħhom waħedhom u jbatu minn solitudni, iżda dawn mhux biss hekk kif saħansitra anke jkollhom telefonati ta’ persuni li jkunu jridu jtemmu ħajjithom.
Intqal kif meta jirċievu telefonata hekk, il-persuna li tkun imħarrġa li tirrispondihom, tibqa’ magħhom fuq il-linja sakemm tintbagħat l-għajnuna neċessarja.
Sar appell ukoll biex din il-linja ma tintużax biex wieħed jagħmel ċajta, hekk kif matul is-sena l-oħra kien hemm eluf li ċemplu fuq din il-linja għal raġuni jew oħra li m’għandix x’taqsam mas-servizzi li jiġu offruti.