Tliet suldati Amerikani nqatlu u għexieren oħrajn indarbu f’attakk bi drone fuq bażi Amerikana viċin il-fruntiera tal-Ġordan mas-Sirja.
Il-President Amerikan, Joe Biden, qal li l-attakk seħħ minn gruppi militanti radikali li għandhom l-appoġġ mill-Iran, u żied li l-Istati Uniti għandhom jirrispondu għal dan l-attakk. L-Iran ċaħad kull involviment fl-attakk.
Din hija l-ewwel darba li nqatlu suldati Amerikani f’attakk fir-reġjun, minn meta bdiet din il-gwerra lura fis-7 t’Ottubru tas-sena l-oħra.
Il-Ġordan qal li l-attakk seħħ fis-Sirja u mhux fil-Ġordan.
Skont il-militar Amerikan, ġieli seħħew attakki oħrajn f’bażijiet Amerikani fir-reġjun, iżda qabel dan l-attakk ma kienx hemm fatalitajiet.
Għadu mhux magħruf min hu l-moħħ wara dan l-aktar attakk riċenti.
Il-President Biden qal li l-Istati Uniti se jaraw li dawk kollha responsabbli jħallsu għal għemilhom, b’mod kif jidher lilhom.