F’konfront ferm bilanċjat, Sliema Wanderers u Birkirkara temew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ mingħajr goals.
Iż-żewġ timijiet kellhom il-waqtiet pożittivi tagħhom tul id-90 minata, fejn madankollu jekk wieħed ikollu jieħu nota tal-aspett tattiku taż-żewġ timijiet, jista’ jinnota li Sliema kienu impostati aħjar, fejn għal Birkirara, deher evidenti element nieqes bejn nofs il-ground u l-attakk, hekk kif kulma jmur qed jinħass in-nuqqas ta’ Yannick Yankam.
Rimarkabbli huwa l-fatt li dan il-konfront immarka wkoll konfront bejn missier u iben, hekk kif il-coach ta’ Sliema Wanderersa, Paul Zammit, affronta proprju lil ibnu u player ta’ Birkirkara, Andrea Zammit.
Kien biss fl-20 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota bi Sliema jkunu huma li joħolqu l-periklu meta Geoffrey Edwin Achamepong approfitta minn indeċiżjoni tad-difesnur tal-Istripes, Alessandro Coppola, u kellu x-xutt tiegħu devjat f’corner mid-difiża ta’ Birkirkara.
Birkirkara wieġbu fit-32 minuta meta Andrea Zammit kellu x-xutt kemmxejn fraġli tiegħu salvat mingħajr diffikultá mill-goalkeeper tal-Wanderers, Rashed Al Tumi.
Dan sabiex ħames minuti wara l-istess Andrea Zammit reġa’ ttanta xortih minn pożizzjoni angolata kważi minn tarf il-kaxxa li iżda ntemm barra.
Fit-53 minuta, is-solitu Andrea Zammit ittanta xortih permezz ta’ xutt mid-distanza li iżda ġie salvat mingħajr wisq diffikultá minn Al Tumi.
Birkirkara tilfu ċans tad-deheb li jiskorjaw il-goal tar-rebħa fit-73 minuta meta Andrea Zammit għadda tajjeb lejn is-sostitut Andrei Cioalcu li dar tajjeb ma’ Al Tumi, iżda kellu l-konklużjoni mill-viċin tiegħu salvata kwżi minn fuq il-linja fatali minn difensur tal-Wanderers.
L-iskor baqa’ ma nbidilx sa tmiem il-partita, biż-żewġ timijiet jieħdu punt kull wieħed.
Referee: Matthew Degabrielle
BOV Plejer tal-Logħba: Neil Micallef (Birkirkara FC)