Ġew inawgurati żewġ proġetti ta’ tisbiħ u spazji ġodda li se tkun tista’ tgawdi minnhom il-komunità tan-Nadur, b’investiment mill-Gvern li qed ikompli jissarraf fi kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli stqarret li dawn iż-żewġ proġetti huma eżempju ċar ta’ kemm dan il-Gvern hu kommess li jwettaq u jimplimenta proġetti sostenibbli għall-ġid tal-Kunsilli Lokali fil-qalba tal-komuntajiet Maltin u Għawdxin.
Kompliet tisħaq dwar l-importanza li l-kunsilli jagħrfu l-bżonnijiet tal-lokalitajiet u r-residenti rispettivi tagħhom biex isarrfu l-fondi neċessarji fdati lilhom fi proġetti u inizjattivi li jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti, filwaqt li jgħollu l-valur ekonomiku u turistiku tal-lokalità.
Sostniet ,“Dawn il-proġetti fin-Nadur huma eżempju ċar ta’ kif il-Gvern ikun ta’ spalla għall-kunsilli lokali, għax jemmen fil-potenzjal tal-kunsilli lokali. Jiena nawgura lill-Kunsill Lokali tan-Nadur biex ikompli jwettaq il-ħolm tar-residenti tiegħu, japplika għal skemi u fondi addizzjonali li hemm pprovduti għall-kunsilli lokali, biex iva, ir-residenti ikollhom il-ħolm li jsir realtà.”
L-investiment fl-ispazju miftuħ ta’ Muxa ta’ San Ġwann inkluda trasformazzjoni ta’ bankina tal-konkos għal spazju rikreattiv b’pavimentar ġdid u aċċessibbli. Filwaqt li ġiet installata sistema ta’ dawl ġdid, ġew installati bankijiet ġodda u introdotti pjanti ġodda. Dan il-proġett kien iffinanzjat minn fondi tal-Kunsill Lokali u mill-Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex.
Il-proġett ta’ tisbiħ fil-Pjazzetta Arċipriet Martin Camilleri qed isir b’finanzjament mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali bħala parti mill-iskema għal “Finanzjament ta’ Proġetti Kapitali – Komunitajiet Isbaħ u Aktar b’Saħħithom”.
Hawn se jsir il-pavimentar ġdid, se jitwaħħlu bankijiet ġodda aċċessibbli għal kulħadd u se tinbidel is-sistema tad-dawl li tirrispetta l-ambjent tal-madwar, fost oħrajn.
Is-Sindku tan-Nadur, Edward Said, qal li dawn il-proġetti huma turija ta’ kemm dan il-Kunsill qed juża l-fondi favur ir-residenti u l-lokalità.
Stqarr, “Proġett ta’ tisbiħ f’din il-pjazzetta proprju wara l-Knisja b’investiment ta’ aktar minn €100,000 minn skema proprju tad-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali li minnhom se jgawdi r-resident proprju fil-qalba taċ-ċentru, fondi li se jiġu ddedikati proprju għal tisbiħ sostanzjali f’din il-pjazzetta.”