Waqt QRIBEK, Oriana Farrugia żaret il-lokalita’ tal-Fgura. Ħadet pjaċir titgħallem dwar l-istorja tal-Fgura, li huwa raħal pjuttost ġdid li kiber biss kif nafuħ aħna, f’dawn l-aħħar 70 sena. Iltaqgħet ma’ Joseph Gouder li rrakkontalha s-sehem tal-Karmelitani ġewwa l-Fgura u kif il-Parroċċa kienet oriġinarjament mibnijja fit-triq prinċipali magħrufa bħala Hompesch Road. Is-Sindku Pierre Dalli spjegalha kif il-Fgura huwa raħal mimli b’potenzjal u li l-ikbar sors tal-Fgura hija l-għaqda tal-komunita’ permezz ta’ kollaborazzjoni bejn varji NGOs u persuni li joffru l-ħin tagħhom lir-residenti Fgurin.
Matul il-programm se naraw kif il-parroċċa; il-każin tal-banda; in-nursery tal-football; il-cat shelter; il-Club tal-boċċi u l-iscouts joffru l-istess spazju għal ħafna tfal, żgħażagħ u adulti l-opportunita’ li jitgħallmu u jagħtu s-sehem tagħhom. Din hija lokalita’ li tassew toffri identita’. Il-Kunsill Lokali għaraf il-potenzjal ta’ dawn l-entitajiet kollha u offra l-kollaborazzjoni tiegħu sabiex iwassal il-messaġġ lir-residenti Fgurin u jagħti servizzi b’xejn, iżda wkoll li joffri ċerti servizzi mill-binja tiegħu stess.
Apparti minn dan, QRIBEK se jiħodna madwar il-Fgura sabiex nesploraw diversi proġetti ta’ nfrastruttura li ġew ikkordinati mill-Kunsill Lokali. Proġetti ta’ tisbiħ u oħrajn ta’ neċessita’.
QRIBEK jixxandar, il-Ħadd 28 ta’ Jannar fl-10:00am, b’repetizzjoni t-Tlieta fil-10pm u s-Sibt fis-7:30am fuq ONE