Fil-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, f’The Hague fl-Olanda, il-Ġimgħa Iżrael ġie ordnat jieħu l-miżuri kollha fil-poter tiegħu biex iwaqqaf kull forma ta’ ġenoċidju f’Gaza waqt il-konflitt mal-Hamas.
B’rabta mat-talba f’The Hague, li saret mill-Afrika t’Isfel dwar ksur tal-Konvenzjoni dwar il-Ġenoċidju, il-Qorti kkonkludiet b’vot ta’ ħmistax kontra tnejn li tinsab imħassba ħafna bit-telf kontinwu tal-ħajja u t-tbatija umana.
Il-Qorti nnotat li l-Afrika t’Isfel għamlet kummenti pubbliċi li jissuġġerixxu li Iżrael aġixxa kontra l-obbligi tiegħu skont il-Konvenzjoni dwar il-Ġenoċidju u hu responsabbli għall-ġenoċidju f’Gaza. Kummenti li ġew miċħuda minn Iżrael.
Waqt li qieset il-każ tal-Afrika t’Isfel, ibbażat fuq disa’ miżuri proviżorji, l-Imħallef sedenti Joan Donoghue ma laqgħetx il-każ kollu kontra Iżrael u l-kwistjoni mistennija tkompli tiġi eżaminata mill-qrib.
Il-Qorti, fost l-oħrajn, ittrattat is-sitwazzjoni umanitarja f’Gaza, fejn mal-mljun u seba’ mitt elf persuna kienu sforzati jevakwaw mill-post li ma baqax abitabbli. Irrimarkat li mal-miljun u erba’ mitt elf persuna biss biss jinsabu f’xelters tal-Ġnus Magħquda.
Hi qalet li Iżrael irid jieqaf joqtol, iweġġa’, jeqred il-ħajja u jċaħħad it-twelid fost il-Palestinjani, atti li lkoll jaqgħu fl-ambitu tal-Konvenzjoni dwar il-Ġenoċidju, għalkemm insistiet li d-deċiżjoni tal-lum ma tippreġudikax lill-qorti kontra d-deċiżjoni li se tieħu aktar tard dwar l-istess akkuża ta’ ġenoċidju.