L-istat ta’ Alabama fl-Istati Uniti wettaq l-ewwel piena kapitali tiegħu permezz tal-użu tal-gass nitroġenu.
Dan fuq Kenneth Eugene Smith li kien misjub ħati b’omiċidju.
Smith li kellu 58 sena tilef żewġ appelli quddiem il-Qorti Suprema fost oħrajn fejn kien qed isostni li dan il-metodu ta’ qtil bil-gass nitroġenu kien krudili u mhux normali.
Fl-2022, l-istat ta’ Alabama kien diġà pprova jwettaq il-piena kapitali fuq l-istess Smith permezz ta’ injezzjoni letali, madankollu dan kien falla.
Smith kien instab ħati li lura fl-1989 qatel lil Elizabeth Senett.
Alabama flimkien ma żewġ stati Amerikani oħrajn approvaw l-użu tal-gass nitroġenu bħala metodu alternattiv biex titwettaq il-piena kapitali b’mod effettiv wara li s-sustanzi użati fl-injezzjoni letali saru ħafna iktar diffiċli biex jiġu aċċessatti u b’hekk naqas l-użu tal-piena kapitali fuq bażi nazzjonali.
Ħames membri tal-midja ttieħdu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Holman f’Atmore sabiex jassistu għall-eżekuzzjoni ta’ Smith.
Malli l-gass tela’ għal wiċċ Smith, huwa mifhum li huwa tbissem fid-direzzjoni tal-familja tiegħu u qallhom li jħobbhom.