Aħjar bħala persuni, li jinqabdu b’ammonti kbar u li jkunu vittimi tad-droga, jiġu indirizzati f’ċentri tar-rijabilitazzjoni milli jintbagħtu l-ħabs.
Iddikjara dan id-Direttur tal-Caritas Malta, Anthony Gatt, waqt il-programm NET Live, meta mistoqsi dwar ir-riforma li ġiet proposta għall-konsultazzjoni pubblika mill-Ministeru għall-Ġustizzja.
Id-Direttur tal-organizzazzjoni, li taħdem mal-vittmi tal-vizzju tad-droga, spjega li, bl-esperjenzi ta’ diversi każi li jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum f’dan ir-rigward, dawk li jkunu vittmi ta’ droga jkunu lesti li jagħmlu kollox biex jaqilgħu l-flus biex issostnu l-vizzju, anke jirrikorru għat-traffikar.
“Persuna addicted, li jkun vittma ta’ droga u hu familtu, u jitqabbad minn traffikant jgħidlu, ‘isma’ għandi dan il-pakkett, 300 mitt gramma, ġieli anke kilos, wassaluli minn dan il-post għal dan il-post u nagħtik ħamsin ewro, mitt ewro, ħames mitt ewro. Jekk jien addicted, jien nagħmel minn kollox biex inġib il-flus, allura t-traffikant qed juża lill-addicted biex imexxi d-droga.”
Anthony Gatt – Direttur Caritas
Id-Direttur tal-Caritas spjega li, ladarba dawn jinqabdu, huma ma jikxfux lit-traffikant, għax jibżgħu mit-theddid li jsirhom lejhom u lejn qrabathom.
“Allura jispiċċaw jibilgħu l-ħabs fuq traffikar, allavolja huma vittmi, imma minħabba li kellhom numri kbar huma u jittrasportaw, ovvjament ma jitkellmux u jispiċċaw jibilgħu s-sentenza ta’ ħabs huma.”
Anthony Gatt – Direttur Caritas
Bir-riforma, li qed tiġi proposta, waqt li t-traffikanti se jibqgħu jitqiesu bħala tali, il-Qorti se tkun tista’ tagħmel distinzjoni bejn każi ta’ persuni, li jittraffikaw id-droga għall-gwadann finanzjarju personali, u dawk li jinqabdu fiċ-ċirku bħala vittmi biex isostnu l-vizzju.
F’każi ta’ min jinqabad jittraffika biex isostni l-vizzju tiegħu stess, ir-riforma proposta tagħti aktar saħħa lill-bord tar-riforma biex jappunta aktar esperti jsegwu l-każi individwali, waqt li l-Qorti ma timponix sentenzi ta’ ħabs.
“Importanti li jinstab bilanċ bejn min hu vittma li hu addicted, li ma jistax jieqaf li għandu familja li qed tgħix kalvarju, ovvjament dak ġeneralment li bniedem titfgħu l-ħabs fuq reati ta’ traffikar u daqshekk mhux biżżejjed. Nippreferu li dawk il-persuni meta jxellfu difrejhom ma’ liġi jiġu indirizzati għal għajnuna kif diġà qiegħed isir u kif nistgħu ntejbu.”
Anthony Gatt – Direttur Caritas
Din l-intervista ħarġet fl-istess ġurnata li l-gazzetta indipendenti Times of Malta, permezz tal-fact checker tagħha, indikat li d-dikjarazzjoni tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech, fejn jgħid li bir-rifroma, persuna se tkun tista’ tittraffika sa 500 pillola ecstasy, m’għandha xejn mill-verità.
Fl-aħħar jiem il-Ministru Jonathan Attard qatta’ nofstanhar mal-Caritas fejn kompla bid-diskussjoni fuq ir-riforma lejn ġustizzja aktar effettiva mal-vittmi tad droga.
Hawnhekk iż-żewġ naħat tkellmu dwar kif l-għan aħħari ta’ kulħadd hu li tkompli tiġi offruta opportunità ta’ riabilitazzjoni lil dawk li huma verament vittmi, waqt li tkompli tintwera id iebsa mat-traffikanti.
Il-Ministru tenna li jħares ’il quddiem għas-suġġerimenti li se tkun qed tissottometti l-Caritas.
Sadanittant, il-Partit Laburista wkoll kompla jikkontribwixxi fid-diskussjoni għar-riforma billi laqqa’ lid-delegati u l-attivisti tiegħu biex jgħidu tagħhom.
Għal din id-diskussjoni kien preżenti wkoll il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard fejn wieġeb il-mistoqsijiet u ċċara xi punti li tqajmu.